L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) hi mħassba dwar il-mod kif sar il-proċess tas-sejħa għal offerti biex ikun żviluppat is-sit tal-ITS fil-Bajja ta’ San Ġorġ.
Filwaqt li l-MDA tiddikjara li mhix kontra l-proġett propost mis-Sea Bank Group, l-MDA hi mħassba minħabba nuqqasijiet li jidher li kien hemm fil-proċess tas-sejħa għat-tender.
Dan it-tender, fil-fatt, kien effettivament aktar jixbah sejħa għal proposti (RFP) milli tender u jidher li kien hemm konfużjoni dwar dan fl-istess dokument tat-tender. L-MDA tistenna li meta toħroġ tender ta’ dan it-tip, il-Gvern għandu jipprepara minn qabel Development Brief biex kulħadd ikun jaf b’mod ċar x’jista’ jinbena fuq sit speċifiku.
Sistema ta’ tender m’għandix tintuża meta ssir sejħa ta’ proposti u ideat, kif donnu jidher li kien il-każ.
L-MDA tħoss ukoll li ż-żmien li ngħata biex jiġu ppreparati d-dokumenti u d-dettalji tas-sottomissjonijiet għandu jkun twil biżżejjed biex ikun assigurat li jkun hemm level playing field bejn kull min ikun interessat li jidħol għal proġett ta’ dan id-daqs. Dan huwa importanti wkoll biex ikun assigurat li l-proċess ikun wieħed trasparenti. L-MDA tappella lill-Gvern biex jaċċerta ruħu li l-proċess ikun wieħed ġust.
Fuq kollox, l-MDA tħoss ukoll li l-Gvern għandu jistabbilixxi l-prezz minimu li jkun lest li jaċċetta għal art pubblika. L-MDA tinsisti mal-Gvern li l-valur tal-art għandu jirrifletti l-prezz kummerċjali tas-suq biex ikun imħares il-ġid komuni.