Fil-logħba Malta – Ingilterra li se tintlagħab fl-1 ta’ Settembru mhux se jkun hemm bejgħ ta’ alkoħol. Dan ikkonfermah is-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Angelo Chetcuti.
Huwa spjega ma’ ONE NEWS li din kienet deċiżjoni tal-Korp tal-Pulizija biex tiġi assigurata sigurtà massima waqt il-partita għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2018.
Chetcuti stqarr li l- MFA, qatt ma kellha pożizzjoni favur jew kontra din id-deċiżjoni u li f’dawn ir-rigward dejjem irrispettat id-deċiżjoni tal-Pulizija li żgur ma tkunx ħadet “id-deċiżjonijiet b’mod leġġer.”
Meta mistoqsi jekk din id-deċiżjoni hux se tkun qed tħalli effetti negattivi fuq is-sapporters, huwa stqarr li xogħol l-MFA huwa li tiffoka fuq l-organizzazzjoni tal-partita u li affarijiet marbutin mal-aspett ta’ ordni pubblika u sigurtà jieħu ħsiebhom il-Korp tal-Pulizija.
Huwa mistenni li għal din il-partita jkun hemm madwar 17,000 partitarju preżenti fil-grawnd f’Ta’Qali, dan hekk kif il-biljetti nbiegħu kollha.