Raġel bi problema fil-kliewi qed jappella mal-Qrati Superjuri d-deċiżjoni li ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest.
It-talba ta’ Christopher Bartolo, ta’ sitta u tletin sena mill-Fontana, qed tinstema’ b’urġenza. Hu jrid li sakemm jinqata’ l-appell minn sentenza li ngħatat f’April li għadda hu ma jibqax il-ħabs.
Kien f’April li għadda Bartolo weħel ħames snin ħabs wara li ammetta li traffika kilo u nofs kannabis.
Fil-Qorti mhux biss kien hemm qraba tiegħu, iżda wkoll il-persuna li tatu l-kilwa.
Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin David Scicluna u Joseph Zammit McKeon kienu preżentati b’analiżi dettaljata ta’ kundizzjoni tar-raġel u l-mod kif it-trattament tiegħu qed isir filwaqt li fil-ħabs ta’ Kordin.
Saviour Lia, manager fil-faċilità ta’ Kordin, ippreżenta wkoll ċertifikat tar-raġel. Spjega kif l-uffiċjali tal-ħabs kienu jmorru miegħu għal tliet darbiet fil-ġimgħa fir-renal unit fl-isptar ta’ Mater Dei.
Kien f’Ġunju li għadda li t-tobba raw li saħħtu kienet sejra lura u rrakkomandaw li jibqa’ l-isptar fejn dam kważi tliet ġimgħat.
Qamet ukoll il-kwistjoni tar-riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga fejn l-avukat difensur staqsa lill-uffiċjal tal-ħabs jekk ir-raġuni għaliex din kienet għadha ma bdietx kienx għal fatt li m’hemmx il-faċilitajiet għall-pazjent bil-kundizzjoni tal-klijent tiegħu. Id-difiża lmentat ukoll mill-fatt li xi mediċina ma kinitx amministrata fil-ħin.
Iżda l-uffiċjal tal-ħabs qal li mhux il-każ għax l-akkużat ma riedx imur minħabba n-nuqqas ta’ ħin għal żjarat mill-familja.
“Jekk trid tirbaħ il-problema tad-droga trid tgħamel is-sagrifiċċju,” kien pront jirrimarka l-Prim Imħallef li żied li qabel tarah jagħmel is-sagrifiċju l-Qorti mhux se tkun konvinta li jrid jibda ħajja ġdida.
Il-każ se jkompli jinstema nhar il-Ġimgħa u d-deċiżjoni mistennija sa tmiem il-ġimgħa.