Il-ħolma ta’ Baden-Powell ta’ familja kbira ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja magħqudin fi spirtu ta’ fratellanza, ħbiberija u avventura għadha kif saret realta` waqt attivita` li fiha ħadu sehem grupp ta’ 21 Venture Scout u Leaders mill-Grupp tal-iScouts ta’ Bormla ġewwa l-Italja bejn is-17 u s-27 ta’ Lulju li għadda.
L-iScouts ta’ Bormla kkampjaw flimkien ma sħabhom Ġermaniżi mill-Grupp Steve Biko DPSG fil-foresta ta’ Appiano fis-Sud Tirol Taljan. Appiano jinstab xi 8 kilometri minn Bolzano u offra xenarju perfett biex l-iScouts Maltin setgħu jgawdu l-avventura ma’ ħuthom l-iScouts Ġermaniżi mir-raħal ta’ Neuenrade fin-North Rhine Westphalia u flimkien jiċċelebraw il-100 Sena mit-Twaqqif tal-1st Cospicua Scout Group.
L-attivitajiet prinċipali tal-kamp kienu jinkludu river rafting – fejn kull Scout seta’ jesperjenza dan l-isport eċitanti fuq ix-xmara Passirio. Kellhom wkoll sessjoni fuq il-high ropes, mixja fuq il-Via Ferrata u wkoll spedizzjoni ta’ jumejn fuq il-muntanji – fejn l-iscouts qattgħu il-lejl f’chalet tipiku u setgħu igawdu l-ambjent fantastiku tal-inħawi.
Il-programm kien jinkludi wkoll żjarat kulturali fil-Mużew tal-Muntanji u l-Mużew Arkeoloġiku ta’ Bolzano – fejn stajna naraw il-mummja ta’ Otzi – ir-raġel tas-silġ li nstab fl-1991. Ovvjament ma naqsux attivitajiet tipiċi ta’ kampijiet tal-iScouts bħal hikes, logħob, tisjir, campfires u għawm fl-ilma inġazzat tal-lag.
“Diffiċli wieħed jiddeskrivi l-ispirtu ta’ għaqda u ħbiberija li huwa l-qofol ta’ kull attivita` tal-iScouts, imma konvinti li din l-attivita`serviet biex ikompli jissaħħaħ dan l-ideal fil-qlub tal-iScouts tagħna.”