Il-kuntatt kontinwu se jkun it-timbru tat-tmexxija ta’ Owen Bonnici kemm-il darba ikun elett bħala deputat mexxej tal-Partit Labusita. Huwa saħaq dan fit-tnedija tal-kampanja tiegħu għal din l-elezzjoni.
Jekk jingħata l-fiduċja, il-Ministru Owen Bonnici wiegħed li se jinbotta tlett prijoritajiet: stabilità u dinjità lill-Partit Laburista, sinerġija fil-ħidma tal-Gvern u tal-Partit u t-twettiq tal-ġustizzja soċjali.
Imnebbaħ minn din it-tema u dawn il-prijoritajiet ressaq għoxrin proposta konkreta li wiegħed li jekk jiġi fdat b’ din il-kariga se jkun qed iwettaq. Fosthom, Bonnici wiegħed li jiltaqa’ mal-kumitati lokali u fergħat kollha fil-bliet u rħula madwar Malta u Għawdex fl-ewwel 100 jum tiegħu fil-kariga.
Qal li huwa lest jaħdem sabiex jinħatar uffiċjal fil-Partit Laburista speċifikament responsabbli minn Għawdex. Emfasizza l-imġieba korretta, biex il-Partit Laburista juri li huwa l-eżempju ta’ kontabbiltà.
Il-Ministru qal li huwa lest jistinka biex il-Partit Laburista jkun f’pożizzjoni finanzjarja li jaqdi sewwa l-missjoni tiegħu, b’rispett sħiħ għat-trasparenza mitluba mill-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi li ddaħħlet wara 25 sena ta’ tkaxkir ta’ saqajn.
Lest jitlob kuntatt individwali ma’ kull persuna li fl-aħħar snin kienet membru tal-Partit Laburista u għal xi raġuni jew oħra ma baqgħetx. L-involviment tal-kumitati u l-friegħi se jkun kruċjali, qal il-Ministru.
Bħala punt kruċjali semma s-sistema hands-on ta’ customer care b’mod li min iressaq ilment jintlaqa’ b’sensittivita’ u jingħata tweġiba, anke jekk inizzjali, sa massimu ta’ 15-il ġurnata wara minn uffiċjali li jkunu mħarrġa professjonalment.
Fil-kariga ta’ Deputat Mexxej, Bonnici qal li jibda stħarriġ professjonali biex jiġu identifikati każijiet ta’ prekarjat, u flimkien mal-ilmenti li jidħlu għand il-Partit Laburista, nara li jkunu segwiti mill-awtoritajiet f’din il-ġlieda bla preċedent kontra x-xogħol prekarju.
https://www.youtube.com/watch?time_continue=70&v=eDUbgMQne_4