Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kellha kliem iebes lejn il-Pulizija wara li rrealizzat li tnejn min-nies li ordnat l-arrest tagħhom biex jidhru l-Qorti ma kienux arrestati.
Saħqet li l-Kummissarju tal-Pulizija kellu jispjega kif ordni tal-Qorti inkisret b’dan il-mod. L-akkużati, Antonella Vella u Stephen Borg, ħadu ħsieb huma biex jaslu l-Qorti wara li l-Pulizija infurmawhom li jkun aħjar li jidhru għax il-Qorti ordnat l-arrest tagħhom.
Fil-fatt huma rċivew telefonata biex jidhru t-Tlieta filgħodu. Saħansitra qalet li meta persuna tissejaħ biex tidher taħt arrest għandha tkun arrestata u ssir talba għal dak il-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat għamlitha ċara li jrid jinqata’ dan il-vizzju tal-Pulizija li jċemplu lill-akkużat meta l-Qorti tkun ordnat mod ieħor għax ma jkunx deher quddiemha.