Il-mijiet t’eluf ta’ passiġġieri li ta’ kuljum jgħaddu mill-ajruporti Ewropej qed jaffaċċjaw kjuwijiet twal ħafna minħabba żidiet fil-proċeduri ta’ sigurtà. Għalkemm jidher li l-linja nazzjonali tal-ajru u l-ajruport internazzjonali ta’ Malta m’għaddewx mill-esperjenzi ta’ linji tal-ajru oħra u ajruporti internazzjonali oħra.
Dawn il-proċeduri ġew implimentati mill-Kummissjoni Ewropea fid-dawl tal-bosta attakki terroristiċi li saru tul dawn l-aħħar snin. Pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ilhom jisħqu għal aktar sigurtà fl-ajruporti minn Settembru 2015. L-aktar proċedura li qed toħloq inkonvenjent hija dik li l-persuni kollha li se jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi li ma jinsabux fiż-żona Schengen, isimhom qed jiġi mqabbel ma’ databases internazzjonali ta’ persuni li jista’ jkollhom xi rabtiet ma’ gruppi terroristiċi.
Dan kollu qed isir bil-għan li jwaqqaf it-terroristi milli jidħlu f ’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Din il-proċedura ġiet imposta mil-Kummissjoni Ewropea fuq l-ajruporti minn April li għadda u f ’ċerti ajruporti ħalliet effetti negattivi. Filwaqt li laqgħet l-impenn tal-Kummissjoni sabiex jonqsu l-attakki terroristiċi, fi stqarrija li ħarget Airlines for Europe esprimiet it-tħassib tagħha rigward il-fatt li f ’ċerti ajruporti l-ħin ta’ stennija qed jeċċedi l-erbgħa sigħat. Dan qed jirriżulta f ’dewmien fit-tluq ta’ għexieren ta’ titjiriet.
Skont l-istess stqarrija f ’ċerti każi t-titjira kellha tiġi kkanċellata minħabba dewmien eċċessiv. Kelliem tal-Airmalta qalilna li l-linja nazzjonali tal-ajru topera lejn diversi ajruporti Ewropej affettwati minn dawn il-problemi. Meta tikkumpara mal-istess perjodu s-sena l-oħra, il-kumpanija rat zieda ta’ tlieta fil-mija fid-dewmien tat-titjiriet. L-istess kelliem qalilna li għalkemm l-Airmalta dejjem laqgħet miżuri aħjar ta’ sigurtà, il-kumpanija hija favur li jitħaddmu prattiċi effiċjenti sabiex dewmien simili jkun imminimizzat.
Waħda mil-kawżi ta’ dan id-dewmien hija li minkejja li kien hemm żieda fil-proċeduri tal-operat, bosta ajruporti għażlu li jibqgħu jħaddmu l-istess ammont ta’ ħaddiema. Dan ukoll wassal għal azzjonijiet industrijali fl-ajruport ta’ Barċellona fi Spanja. F’Malta 35% tal-passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali minn April sal-lum kienu ġejjin minn pajjiżi li ma jinsabux fiż-żona Schengen. Dan fisser sfida akbar għall-immaniġġjar tal-kjuwijiet fl-istess ajruport.
F’kummenti li ħadna mingħand kelliema tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qaltilna li għalkemm din il-proċedura taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Immigrazzjoni, it-tmexxija tal-ajruport ħasbet biex jiġu żviluppati kjuwijiet apposta għal familji u nies bi bżonnijiet speċjali. Skont l-istess kelliema dawn in-nies jieħdu l-aktar ħin sabiex jiġu proċessati fiż-żoni interni tal-ajruport.