Ilbieraħ filgħaxija persuna Taljana residenti Malta għamlet sejba mhux daqstant sabiħa, dan hekk kif waqt li kienet qed tgħum fiż-żona Xrobb l-Għaġin limiti ta’ Marsaskala sabet għasfur protett, Astun Iswed, li kien midrub.
Jidher mill-ewwel testijiet għand veterinarju li dan l-għasfur ntlaqat minn xi tir waqt li kien qed itir fi triqtu biex jistrieħ Malta, fejn kawża tal-ġrieħi li ġarrab waqa’ fil-baħar.
Permezz ta’ stqarrija Birdlife Malta sostnew li dan hu att illegali hekk kif dan it-tip ta’ għasfur hu wieħed protett, u jekk persuna tinqabad tispara fuq din l-ispeċi hemm ċans li jeħel multa sa massimu ta’ €5,000.
Bħalissa wieħed jista’ joħroġ għal kaċċa fuq il-fniek biss .
Birdlife Malta qalu li fortunatament l-għasfur ma ġarrabx ġrieħi serji, u li hekk kif jeqleb għall-aħjar wara riabilitazzjoni, ikun jista’ jerġa’ jinħeles.