Il-Moviment Graffitti sostna li qed jappoġġja bi sħiħ lir-residenti u l-kunsill lokali ta’ Pembroke fl-oppożizzjoni tagħhom għall-iżvilupp insensat li qed jiġi propost fil-lokalità tagħhom. Fi stqarrija ntqal kif Pembroke bħalissa huwa mhedded mill-possibiltà li ssir skola privata oħra li l-istruttura mostruża tagħha tinbena fuq art pubblika u naturali. Barra minn dan, saru diversi applikazzjonijiet sabiex jitwaqqgħu djar u jinbidlu fi strutturi b’sulari għolja. Qed ikun ukoll ikkunsidrat li tinbena triq bypass li tgħaddi minn ġo Pembroke.
Il-Moviment Graffitti qal li “Jekk tinbena skola privata fuq art pubblika mhux mittiefsa, dan ma jkun xejn ħlief att ta’ regħba bla mistħija. Spazji pubbliċi u miftuħa huma essenzjali għall-kwalità ta’ ħajja diċenti tal-komunità, u iktar teħid t’art pubblika minn interessi privati jkun kompletament inaċċettabbli. Il-post ikkonċernat huwa ukoll xagħri mhux mittiefes, maġenb sit tan-Natura2000. Dan ifisser li din il-binja, barra li hija estetikament atroċi, se twassal ukoll għal dannu ambjentali kunsiderevoli u irreversibbli.
Il-Moviment Graffitti qal ukoll li “Malta hi maħkuma minn ġenn għall-bini bl-addoċċ li qed iħaxxen il-bwiet ta’ ftit individwi, filwaqt li l-bqija tan-nies qed ikunu mġiegħla jgħixu fi spazji mimlija tniġġiż u konġestjoni. Iżda r-reazzjoni tar-residenti u l-kunsill lokali ta’ Pembroke għal din it-theddida li l-lokalità tagħhom qed taffaċċja toffri tama lil dan il-pajjiż. Huwa biss billi norganizzaw rwieħna kontra dawn l-interessi l-kbar li nkunu nistgħu effettivament nirreżistu t-trasformazzjoni ta’ Malta f’pajjiż ikrah u bla ħajja.”
Il-Moviment Graffitti se jkun qed jattendi l-laqgħa organizzata mir-residenti nhar it-Tlieta 8 t’Awwissu fis-6 ta’ filgħaxija fi Triq Gabriele Henin, u jħeġġeġ lill-pubbliku jipparteċipa wkoll.