Jum il-Mużewijiet dis-sena se jitfakkar b’seminar dwar il-Belt, f’ Sant’Iermu, għada l-Erbgħa, 18 ta’ Mejju. Bit-titlu, Valletta as a Cultural Landscape, il-konferenza, li tibda fis-6pm, u hija miftuħa għall-pubbliku, se ssir minn ICOM Malta, id f’id ma’ Heritage Malta. ICOM tfisser International Council of Museums.
Is-serata se tkun maqsuma fi tliet taħdidiet bl-Ingliż, ta’ għoxrin minuta l-waħda, bl-ewwel kelliem ikun Joe Magro Conti, manager tal-Heritage Planning Unit, fl-Awtorità tal-Ippjanar.
Joan Abela tagħti ħarsa lejn kuntratti li saru l-Belt u li jinsabu fl-Arkivji Notarili. L-aħħar kelliem ikun George Cini li ser jitfa’ dawl dwar il-ħajja movimentata ġo Strada Stretta meta din it-triq kienet l-għajn ta’ divertiment għan-nies tas-servizzi Ingliżi.
Meta ġie kkuntattjat, James Licari, membru tal-kunsill ta’ ICOM Malta qal: “Il-Belt hija teżor mimli xogħoljiet tal-aqwa kwalità li jinsabu fil-mużewijiet, arkitettura barokka li tisraqlek għajnejk u temp ta’ ħajja li jaffaxina lil kull min jirfess minn Puturjal ’l ġewwa.”
Dħul bla ħlas. Ikun hemm refreshments wara l-konferenza. Biex tirriserva post ibgħat email lil: icom.malta2016@gmail.com