Awwissu ġab miegħu temp sħun ħafna li ser jippersisti fil-jiem li ġejjin. Illum l-ogħla temperatura laħqet it-38 grad Celsius, iżda qed tinħass daslikieku kienet madwar 42 grad Celsius.
Din il-mewġa ta’ sħana hija mistennija li ddum sa kmieni l-ġimgħa d-dieħla. It-tbassir tat-temp qed jindika li t-Tlieta t-temperatura ser tinżel għal 35 grad Celsius u tibqa’ f’dan il-livell tal-anqas sal- Ħamis.
Fil-jiem li ġejjin, l-indiċi tal-UV ser ikun qed jilħaq bejn 9 u 10, u għalhekk huwa importanti li wieħed jipproteġi l-ġilda tiegħu permezz ta’ prodotti tajbin. Barra minn hekk, sabiex timminimizza l-impatt ta’ dan it-temp sħun, huwa rakkomandabbli li:
- Tixrob ħafna ilma, anki jekk ma tkunx bil-għatx
- Tevita xarbiet alkoħoliċi, b’ħafna zokkor u kaffeina, peress li dawn jista’ jkollhom effett ta’ deidrazzjoni
- Ma toqgħodx fix-xemx diretta, partikolarment bejn il-11:00 u l-16:00
- Tevita li tilbes ħwejjeġ skuri u materjali sintetiċi
- Tivvjaġġa kmieni filgħodu jew filgħaxija, meta x-xemx ma tkunx daqstant qawwija
L-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ twissija ta’ temp sħun ħafna li tgħodd għal-lum, iżda ser ikun qed iġedded din it-twissija skont il-bżonn.