Il-Malta Public Transport se tkun qed tinvesti €6 miljun f’28 karozzi tal-linja ġodda li 7 minnhom se jkunu qed jintużaw għar-rotta tal-ajruport. Dan ħabbru ċ-Chairman tal-Malta Public Transport, Felice Cosmen, f’konferenza tal-aħbarijiet illum.
Tul il-konferenza intqal kif matul ix-xahar ta’ Lulju wżaw is-servizz tat-trasport pubbliku aktar minn erba’ miljun passiġġiet. Dan ifisser numru rekord ta’ persuni li wżaw it-trasport pubbliku.
Dan ir-riżultat hu xhieda ta’ kif in-nies qed jemmnu iżjed fit-trasport pubbliku li issa għamel avvanz ‘il quddiem fis-servizz offrut, minkejja li għad fadal x’jitranġa.