Tlestiet fażi oħra mix-xogħol infrastrutturali ppjanat fil-Qorti ta’ Malta, b’investiment ta’€140,000 fil-librerija u ċ-ċentru ta’ taħrig. Dan bil-għan li jkun hemm aktar spazju lill-ġudikanti minn fejn ikunu jistgħu jisimgħu l-kawżi, bil-ħsieb li jitkompla jitnaqqas id-dewmien.
Ix-xogħol huwa maqsum fuq tliet oqsma: ix-xogħol fit-tlett awli l-ġodda, li waħda minnhom diġà tlesta x-xogħol fuqha u bdew anke jinstemgħu l-kawżi fiha; ir-rilokazzjoni tal-librerija u ċ-ċentru ta’ taħriġ minflok parti mill-Arkivju Ċivili u l-installazjoni tal-lifts ġodda.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Gvern Lokali u Kultura Owen Bonnici spjega kif din ir-rilokazzjoni kienet essenzjali sabiex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq żewġ awli oħra li fadal isiru. Filfatt, il-pass li jmiss huwa li jingħataw it-tenders taż-żewġ awli u l-lifts sabiex b’hekk ikun jista’ jibda x-xogħol fuqhom u jkun hemm faċilitajiet aħjar għall-gudikanti, għall-professjonisti u fuq kollox għaċ-ċittadin li jagħmel użu mis-servizz tal-Qorti.
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Imhallef, Silvio Camilleri, qal li dan l-investiment se jkun qed jindirizza kwistjoni importanti għall-pubbliku inġenerali dan hekk kif it-tahrig tal-ġudikaturi jfisser servizz li dejjem aktar jitjieb għall-pubbliku inġenerali. Huwa tenna ukoll li dan l-investiment se jwassal biex l-ispazju tal-Qorti jintuża b’mod aħjar.
Daħlu ukoll fis-seħħ żewġ servizzi ġodda li jistgħu jintużaw mis-sit il-ġdid tal-Qorti ecourts.gov.mt. L-ewwel servizz huwa Get Mobile Notifications li permezz tiegħu wieħed jista’ jirreġistra biex jirċievi messaġġ bl-sms fuq il-mobile kull meta jkun hemm seduta fil-Qorti relatata ma’ xi kawża ċivili li wieħed ikun irreġistra għaliha. Is-servizz l-ieħor huwa My Cases li permezz tiegħu wieħed jista’ jara d-dettalji kollha tal-każ tiegħu personali meta jkun irreġistrat bħala wieħed mill-partijiet fil-kawża.