Meta fl-2013, il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern kien sab sitwazzjoni mwiegħra fl-accounts ta’ Mater Dei, tant li fis-sena 2012, ma sarux financial statements.
Dan żvelaħ il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt il-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari, ilbieraħ fil-Parlament. “Mater Dei hija intrapriża kbira li ta’ kull sena jkollha nefqa ta’ kwart ta’ biljun, iżda l-Partit Nazzjonalista la kien għamel financial statements fl-2012 u lanqas kellhom accounting policy għal dan l-isptar” qal il-Ministru.
Żied jgħid “nefqa ta’ din il-kobor li ma konniex nafu min qiegħed jonfoqha, hekk kif lanqas cost centres ma kien hemm.” Taħt il-Partit Nazzjonalista, fl-Isptar Mater Dei ma kinitx issir rikonċiljazzjoni. Dan ifisser li kull Dipartiment fi ħdan l-isptar seta’ jordna għall-provisti mingħajr ma jagħti rendikont ta’ kif uża il-provisti ta’ qabel. Dan, qal il-Ministru ghas-Saħħa, kien qed iwassal f’ħafna ħela.
Is-sitwazzjoni fl-aħħar snin inbidlet kompletament fejn kull Dipartiment qiegħed jagħti rendikont ta’ x’nefaq, x’ordna u x’uża.