L-attakk li beda l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil fuq il-ġudikatura ssokta fil-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista l-Ħamis filgħodu.
Il-messaġġ ta’ Simon Busuttil din id-darba kien rifless f’editorjal kontra l-Imħallef Antonio Mizzi fejn fih intqal ukoll li Malta mhux pajjiż normali.
Kien il-Ħadd l-ewwel darba li Simon Busuttil qal li f’każ li beda hu ma kienx se jkun hemm ġustizzja għax l-Imħallef inzerta miżżewweġ lill-Membru tal-Parlament Ewropew, Marlene Mizzi. Xi ħaġa li ġabet il-kundanna tal-Kamra tal-Avukati.
Iżda, li Antonio Mizzi, inzerta se jisma’ l-każ skont skeda tal-Qorti, in-Nazzjon ikkummenta dwaru hekk: “Tgħidha biss tistaqsi: din aħbar ta’ barra minn xi repubblika tal-banana? Imma billi l-pajjiż qiegħed fl-UE, tħokk rasek iktar.”
Saħansitra skont in-Nazzjon, Antonio Mizzi, lanqas Imħallef ma kellu jinħatar minħabba li l-poplu għażel lill-martu biex tirrapprezentah. “Imma aħna ma ngħixux f’pajjiż normali,” kompla jgħid l-editur tan-Nazzjon li kompla jipprova jitfa’ pressjoni bla qies fuq l-Imħallef.
Aġir li dwaru l-Kamra tal-Avukati kkummentat it-Tnejn u qalet li dawn it-tip ta’ kummenti jikkonstitwixxu pressjoni mhux xierqa fuq l-Onorevoli Imħallef konċernat u jeċċedu kull limitu ta’ prudenza u responsabbiltà fil-konfront tiegħu. Saħansitra qalet li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni kellu jirtira tali allegazzjoni. Xi ħaġa li ma saritx anzi qed tippersisti fl-attakk il-midja tal-PN.
Il-Kamra appellat lil kull min għandu influwenza fuq l-opinjoni pubblika inkluż ġurnalisti u bloggers u b’mod partikolari l-politiċi biex irazznu l-kummenti fil-konfront tal-ġudikatura.