Ir-riserva tad-demm bħalissa mhix dik ideali. Dan hu effett tad-domanda qawwija għad-demm, kif ukoll li minħabba s-sħana l-attendenza tad-donaturi naqset sew.
Quddiem dan ix-xenjaru diffiċli, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm irrimarka li minkejja s-sħana qawwija li qed tagħmel, l-għoti tad-demm ma jistax ibatti. Jekk jiġri hekk fi ftit jiem oħra għadd ta’ pazjenti ser jiġu affetwati u jkollhom jistennew għat-trasfużjonijiet tad-demm.
Għaldaqstant il-pubbliku hu mħeġġeġ jiffoka ftit aktar fuq dan il-bżonn indispensabbli u jersaq biex jagħti d-demm mill-aktar fis possibbli.
Apparti hekk b’mod ġenerali s-Servizz appella wkoll għal iktar prudenza: fis-sewqan, fuq il-lantijiet tax-xogħol, fil-baħar, kif ukoll fil-postijiet tad-divertiment, partikolarment fejn jiġi ikkonsmat l-alkoħol. B’hekk jonqsu l-inċidenti, kif ukoll tonqos il-pressjoni għad-domanda għad-demm.
L-għoti tad-demm għandu jsir minnfih fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8:00am sas-6:00pm.
Wieħed irid iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
Dawk li jixtiequ jagħtu d-demm u li ġew lura mis-safar f’dawn l-aħħar 4 ġimgħat huma mitluba jċemplu fuq 8007 4313 biex jaraw jekk humiex eliġibbli biex jagħtu d-demm.
F’dan l-istadju napprezzaw li twasslu dan il-messaġġ fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħkom, partikularment fuq il-ġurnali kif ukoll fuq l-istazzjonijiet tar-radju.