In-numru ta’ persuni għomja madwar id-dinja mistenni jitrippla fl-erba’ deċenji li ġejjin.
Riċerkaturi li kitbu f’Lancet Global Health, qed ibassru li l-każijiet ser jiżdiedu minn sitta u tletin miljun għal mija u ħmistax -il miljun sal-elfejn u ħamsin.
Dan dejjem jekk it-trattament ma jitjiebx b’fondi aħjar.
Jidher li l-kawża wara dawn in-numri dejjem jiżdiedu hija l-popolazzjoni dejjem tikber li qed tixjieħ.
Uħud mill-għola rati ta’ għomja u persuni bi problemi fil-vista ta’ għajnejhom huma fl-Afrika t’Isfel.
Skont l-istudju, l-persentaġġ tal-popolazzjoni fid-dinja bi problemi fil-vista qed jonqos.
Minkejja dan, minħabba li l-popolazzjoni dinjija qed tiżdied u aktar nies qed jgħixu tajjeb f’etajiet kbar, ir-riċerkaturi qed ibassru li n-numru ta’ persuni bi problemi fil-vista mistenni jiżdied.