Il-Malta Freeport Terminals għadha kif installat boom ta’ 300 metru barra Pretty Bay sabiex tiprovdi protezzjoni effettiva lill-għawwiema kontra tixrid ta’ żejt fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Fi stqarrija l-kumpanija qalet li din hija l-ewwel darba li din il-barriera ġiet installata u li se tkun qed tinvesti iktar minn €30,000 f’din il-barriera protettiva sabiex tiproteġi l-bajja ta’ Birżebbuġa f’każ ta’ xi inċident ta’ tixrid taż-żejt kkawżat mill-operaturi fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Il-barriera protettiva ġiet installata mill-kuntrattur Bluhull Projects, f’kollaborazzjoni ma’ Port Logistics Operations wara li t-Tnejn li għadda kien hemm tixrid taż-żejt minn vapur bil-kontejners f’terminal 2 South Quay.
Il-kaġun tat-tixrid taż-żejt għadu ma ġiex diterminat. Madanakollu jidher li oriġina mill-vapur. Kuntrattur ġie mqabbad sabiex inaddaf iż-żona permezz ta’ materjal li jassorbi ż-żejt.
“Bħala parti mill-impenn tagħna għal din iż-żona, fl-aħħar xhur konna qed naħdmu mal-kommunità ta’ Birżebbuġa sabiex ninvestu f’miżuri proattivi. Waħda minnhom hija din il-barriera protettiva”, qal il-kelliem ta’ Malta Freeport Terminals.
Fil-ġimgħat li ġejjin tim ta’ kuntratturi se jkunu qed jaħdmu flimkien ma’ Transport Malta saibex inadfu l-ambjent marittimu u l-infrastruttura tat-terminals sabiex jevitaw iktar kontaminazzjoni.