“Wieħed mill-ostakli ewlenin li jiffaċċjaw iċ-ċittadini u n-negozji li qed jiċċaqilqu, jaħdmu, jistudjaw jew joffru s-servizzi u l-prodotti tagħhom b’mod transkonfinali, huwa biex isibu tagħrif relevanti u preċiż, u biex ikollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi ta’ kwalità. Neħtieġu punt tad-dħul diġitali waħdieni għaċ-ċittadini u n-negozji li jindirizza dawn il-ħtiġiet. Huwa proprju dan li se nkun qiegħda nitlob bħala rapporteur,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.
Marlene Mizzi mill-Grupp S&D għamlet dawn ir-rimarki wara li nħatret rapporteur fuq il-proposta leġiżlattiva ġdida dwar Portal Diġitali Uniku mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur.
“Il-proposta leġiżlattiva ġdida se tagħmilha aktar sempliċi għan-nies u l-kumpaniji biex jimmaniġjaw id-dokumentazzjoni tagħhom online permezz ta’ punt tad-dħul diġitali waħdieni, li jipprovdi aċċess għal proċeduri amministrattivi u tagħrif ta’ kwalità għolja. Din l-informazzjoni hija ta’ importanza kbira meta jinbeda negozju, għall-aċċess għall-finanzi, għar-regoli ta’ tassazzjoni, għall-aċċess għad-drittijiet tal-pensjoni u l-benefiċċji soċjali, eċċ. Tipprovdi wkoll servizzi ta’ assistenza u s-soluzzjoni tal-problemi f’każ li ċ-ċittadini jkollhom bżonn aktar għajnuna,” spjegat Marlene Mizzi.
L-MPE Mizzi emfasizzat li t-teknoloġiji diġitali u d-diġitalizzazzjoni tas-Suq Uniku qed jittrasformaw l-mod kif ngħixu, naħdmu, nivvjaġġaw u kif jitħaddem negozju. It-teknoloġiji diġitali huma wkoll parti mill-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u huwa loġiku li l-gvernijiet jersqu eqreb tad-dinja diġitali billi jipprovdu s-servizzi tagħhom liċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE b’format sempliċi u aċċessibbli online.
“It-tagħrif diġà jinstab hemm u ħafna għodod diġitali diġà jeżistu. Madankollu ħafna persuni u kumpaniji għadhom ma jafux bihom. Għadhom isibu diffikultajiet kbar biex jaċċessaw u jifhmu l-informazzjoni u l-proċeduri meħtieġa għan-negozju, l-ivvjaġġar u x-xogħol tagħhom. Minflok jingħataw għajnuna, il-persuni u l-kumpaniji qegħdin isibu aktar tfixkil u burokrazija żejda, b’informazzjoni u proċeduri li ta’ spiss ikunu sparpaljati, inkompleti u mhux trasparenti.”
“Ħafna tagħrif f’ħafna postijiet differenti joħloq aktar barrieri milli soluzzjonijiet. Sodisfatta li jien ir-rapporteur għal din il-leġiżlazzjoni li se tħaffef dawn il-portals differenti, il-punti ta’ aċċess u websites għall-informazzjoni fi dħul diġitali waħdieni li jipprovdi liċ-ċittadini, SMEs u start-ups b’punt ta’ aċċess uniku għal proċeduri u informazzjoni ta’ kwalità,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.
“Bħala rapporteur, se nipprova nassigura li l-UE twassal għodda prattika u konkreta li tipprovdi soluzzjonijiet għall-problemi u l-mistoqsijiet li ta’ kuljum jiffaċċjaw iċ-ċittadini u n-negozji, biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-benefiċċji tas-Suq Uniku. Ninkoraġġixxi lill-istakeholders biex iwasslu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom għal din il-leġiżlazzjoni ġdida. Din se tkun mossa leġiżlattiva li twassal biex tħaffef il-ħajja taċ-ċittadini u n-negozji,” qalet l-MPE Mizzi.