Id-dwana qed tavża li f’pajjiżna qed jidħlu ammonti ta’ sigaretti tal-kuntrabandu li wieħed ma jistax jixtri minn Malta.
Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tad-Dwana intqal li infiltraw fis-suq Malti ammonti ta’ sigaretti tal-kuntrabandu. Wħud mill-marki tagħhom huma Business Royals, American Legend, Manchester u Tradition.
Id-Dwana avżat li dawn it-tip ta’ sigaretti ma ddaħħlux fil-pajjiż b’mod legali u għaldaqstant it-taxxi fuqhom ma tħallsux. Id-Dwana qalet li biex tiġġieled dan it-tip ta’ kuntrabandu se tkun qed tassigura ħidma mifruxa biex mhux biss tassigura li dawn it-tip ta’ sigaretti ma jidħlux fil-pajjiż iżda anke li ma jinbiegħux u li ma jiġux kkunsmati mill-pubbliku.
Għalhekk, id-dwana appellat biex kull persuna li għandha xi tip ta’ informazzjoni dwar persuni li qed ibiegħu dawn is-sigaretti u minn liema postijiet qed jinġiebu għandu jgħaddi dan it-tagħrif b’mod kunfidenzjali fuq in-numru 2568 5124 (24 siegħa kuljum il-ġimgħa kollha)
2568 5200 (mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-8am sat-3pm).
Dan jista’ jwassal biex id-Dipartiment tad-Dwana jkun jista’ juża is-saħħa kollha li tagħtih il-liġi fuq kull min qiegħed idaħħal, jaħżen, ibiegħ, imexxi jew ikollu fil-pussess tiegħu dawn it-tip ta’ sigaretti.
L-istqarrija maħruġa mid-Dwana kompliet tispjega li attività ta’ din it-tip hija reat kriminali sejru u ġġorr piena fiskal ħarxa u saħansitra anke pieni ta’ ħabs.