Wara li l-bieraħ saret azzjoni konġunta bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Awtorità tal-Artijiet li matulha tneħħew umbrelel u deckchairs mill-bajja Ta’ Fra Ben fil-Qawra, dalgħodu iż-żewġ awtoritiajiet komplew bil-ħidma tagħhom ta’ infurzar fl-istess lokalita’.
Meta dalgħodu, uffiċjali tal-MTA u tal-Awtorita’ tal-Artijiet marru jagħmlu spezzjoni fuq il-post, sabu li l-operatur kien qed jerġa’ jikri umbrelel u deckchairs b’mod illegali. Fil-fatt, madwar sebgħin deckchair kienu diġa’ nkrew lil membri tal-pubbliku meta seħħet l-ispezzjoni. L-operatur ġie avżat li l-MTA u l-Awtorita’ tal-Artijiet kienu se joħorġu €5000 f’multi, minbarra xi ispejjeż applikabbli. L-awtoritajiet se jkunu ukoll qed jinforzaw l-għeluq b’mod immedjat tal-istabbiliment.
Il-ħidma konġunta hija parti minn kampanja li għandha l-għan li tiżgura li r-regolamenti li jikkonċernaw il-bajjiet ikunu rispettati f’kull ħin. Diġà ttieħdet azzjoni simili fil-bajjiet tal-Armier u Little Armier, filwaqt li f’postijiet oħra madwar Malta u Għawdex, operaturi qed jirregolarizzaw ruħhom b’mod volontarju biex jevitaw dan it-tip ta’ inforzar.