Il-Kap caretaker tal-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel pjaċir lill-Partit Nazzjonalista stess u jieqaf jiddetta lil min se jkun Kap ġdid biex minn issa jasserixxi ruħu fuq il-politika tal-PN li wasslitu għal telfa elettorali ikbar minn meta ħataf il-PN taħt idejh. Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-PL sostna li Busuttil qed jagħmel dan biex minn issa jpoġġu lilu nnifsu fid-dell tal-Kap il-ġdid tal-PN u jkun il-Kap jgħasses lill-Kap il-ġdid tal-PN.
Huma sostnew li dalgħodu huwa wissa’ lil min se jkun Kap warajh li “għandu responsabbilta’ kbira” biex jibqa’ jiġġieled bin-negattivita’ lill-Gvern. Dan qed jagħmlu biex jipprova jsalva ġildu fil-Partit Nazzjonalista.
Il-PL qal li llum Busuttil kompla jagħżaq f’livelli ġodda meta qal li pajjiżna huwa agħar mill-Pakistan u mill-Brażil. Dawn huma livelli ġodda ta’ tgħajjir kontra pajjiżna stess. Fl-istess waqt Simon Busuttil attakka l-indipendenza tal-Qrati u għażel li jattakka ġudikant partikolari li sar ġudikant snin ilu taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
L-istqarrija temmet tgħid li l-poplu Malti għaraf dawn it-tattiċi u bagħat messaġġ ċar lil Simon Busuttil li dawn it-tattiċi ta’ maħmuġin ma jaħdmux.