L-attur George Clooney qed jaħseb li jieħu passi legali fil-konfront tal-edituri ta’ rivista Franċiża, li ppublikaw ritratt tat-tewmin tiegħu.
Fi stqarrija qal li tul il-ġimgħa li għaddiet, fotografi tar-rivista Voici telgħu fuq il-grada tagħhom, ixxabtu ma’ siġra u ħadu ritratti illegali tat-tfal meta kienu fir-residenza privata tagħhom. Ir-ritratti ħarġu fuq Voici nhar il-Ġimgħa, u qalu li kienu l-ewwel ritratti tat-tfal Ella u Alexander. Iġġustifikaw l-ippublikar billi qalu li kien hemm domanda pubblika għal dawn ir-ritratti.