Passaġġ mal-bajja ikonika tax-Xlendi ġie msebbaħ u rrijabilitat għal aċċess aħjar kif ukoll għat-tgawdija tal-viżitaturi li jiffrekwentaw din il-parti.
Ix-xogħlijiet li saru min-naħa tal-Kunsill Lokali tal-Munxar ġew issussidjati mid-Development Planning Fundtal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-proġett li ġie iffinalizzat qabel l-istaġun tas-sajf, sabiex tiġi eliminata l-inkonvenjenza tal-viżitaturi, jinkludi kisi mill-ġdid tal-passaġġ, kif ukoll it-tqegħid t’ għamara ġdida. Il-passaġġ jagħti opportunità lill-viżitaturi japprezzaw l-irdumijet impressjonanti tax-Xlendi u l-isbuħija tal-bajja.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li, “l-għan tad-Development Planning Fund, li ġie mwaqqaf kmieni s-sena l-oħra, hu sabiex ikompli jiftaħ iktar l-opportunità ta’ fondi u b’hekk jagħti iktar flessibbilità għal proġetti li jikkwalifikaw. Dan il-proġett, kif inhu l-każ b’ħafna proġetti simili li nissussidjaw, iħallu lill-kunsill lokali tal-post sabiex itejbu l-prodott turistiku fil-lokalità tagħhom. Aħna qegħdin naħdmu flimkien mal-kunsilli lokali sabiex kull proġett għal-lokalità, kemm jekk hu żgħir jew kbir, ma jittardjawx imma jiġu mwettqa sabiex intejbu l-kwalità tal-ħajja fil-villaġġi u l-ibliet tagħna.”
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà Chris Agius, inkoraġixxa aktar kunsilli lokali sabiex japplikaw għal din l-iskema bil-possibilità li jsiru aktar xogħlijiet li jtejbu l-infrastruttura tal-lokal. Enfassiza wkoll li għalkemm il-proposti għall-iskema tad-Development Planning Fund għandhom jgħaddu mingħand il-kunsill lokali rispettivi, l-aġenziji tal-Gvern, NGO’s u individwi privati għandhom jaħtfu din l-opportunità u joħorġu huma bl-ideat.
Dan il-fond ġdid qed jara l-finanzi ġejjin mill-amalgamazzjoni mis-suċċess tal-Urban Improvement Fund mal-iskema inattiva tal-Commuted Parking Payment Scheme. Barra minn hekk, 20% tad-dħul iġġenerat mill-applikazzjonijiet sabiex l-iżvilupp jiġi rregolarizzat qiegħed jiġi dirett lejn il-fond. Din l-amalgamazzjoni, qed iġġib u qed tagħmel iktar miljuni disponibbli għal fondi sabiex jintużaw fuq proġetti li ser itejbu l-ħajja tar-residenti.
Ritratt: MTIP_PS