Fost it-68 kunsill lokali mferrxin mal-gżejjer Maltin, huma biss 20 li jesponu xi opri tal-arti fil-proprjetajiet tagħhom, b’ħafna minnhom ukoll ma jaqbżux aktar minn waħda.
Waqt li xi gvernijiet lokali, bħal dawk tal-Imġarr (450), Santa Luċija (22) u r-Rabat (17) f’Malta jgawdu għadd ta’ esebiti, li jvarjaw minn pitturi, skulturi, monumenti u bustijiet, fost oħrajn, il-kumplament jistgħu jiftaħru biss bi ftit jew xejn oġġetti artistiċi għad-dispożizzjoni.
F’lista, li ġiet ippreżentata fl-aħħar jiem fil-Parlament bħala tweġiba mill-Ministru responsabbli mill-Kultura Owen Bonnici għal mistoqsija li saritlu mid-Deputata Claudette Buttigieg, jirriżulta li investimenti simili fl-arti qatt ma kienu fuq l-aġenda tal-maġġoranza assoluta tal-kunsilli, anke jekk issa ilhom 24 sena mwaqqfin.
Il-lista ġiet ippreżentata wara li l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ntalab jgħid jekk għandux tagħrif dwar liema opri tal-arti hemm fil-proprjetajiet tal-kunsilli lokali.
Jidher ċar li hemm lok għal titjib fl-importanza tad-dehra tal-uffiċini amministrattivi għal ambjent aktar pjaċevoli lir-residenti rispettivi, oħrajn li jiġu bżonn is-servizzi fil-lokal u saħansitra l-ħaddiema tal-kunsill stess u/jew dik ta’ postijiet ta’ rilassament, bħal ġonna pubbliċi, li jaqgħu fil-konfini tal-lokal.
Il-lokalitajiet li jesponu xi opri artistiċi huma l-Imqabba (6), in-Nadur (5), is-Siġġiewi (5), l-Isla (5), Victoria (4), Ħad-Dingli (4), Ħal Qormi (4), il-Belt Valletta (4 – mislufin mill-Mużew tal-Arti), is-Swieqi (3), il-Floriana (2), iż-Żurrieq (2), il-Birgu (1), il-Fontana (1), Kerċem (1), il-Mosta (1), in-Naxxar (1) u l-Qala (1).
Min-naħa l-oħra, dawk it-48 kunsill li jidher li għad iridu jġemmgħu l-ewwel biċċa xogħol artistika huma l-Imdina, Bormla, Ħaż-Żebbuġ, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara, Birżebbuġa, il-Fgura, il-Gudja, il-Gżira, Għajnsielem, l-Għarb, Ħal Għargħur, l-Għasri, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, l-Iklin, il-Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, l-Imsida, il-Munxar, Raħal Ġdid, Pembroke, Tal-Pieta, il-Qrendi, Ħal Safi, San Ġiljan, San Ġwann, San Lawrenz, San Pawl il-Baħar, Sannat, Santa Venera, Tas-Sliema, Ta’ Xbiex, Ħal Tarxien, ix-Xagħra, ix-Xewkija, ix-Xgħajra, iż-Żebbuġ u l-Imtarfa.