Il-Ministeru għal Għawdex qed jikkopera mal-Pulizija f’investigazzjoni dwar allegat irregolaritajiet f’tenders ta’ kostruzzjoni ta’ toroq mill-2004 ‘l hawn.
Jirriżulta li kien il-Ministeru għal Għawdex li għamel rapporti lill-Pulizija u abbażi ta’ din l-informazzjoni ssejħet inkjesta maġisterjali.
Jirriżulta li l-ewwel rapport kien sar f’Novembru 2013 u reġgħu saru rapporti fl-aħħar ġimgħat. Il-Pulizija ngħatat aċċess sħiħ biex jelevaw kompjuters u dokumenti ta’ tliet impjegati taċ-ċivil li qed isiru l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom.
Stqarrija tal-Ministeru għal Għawdex qalet li t-tliet impjegati ġew sospiżi llum stess.
Il-Ministeru għal Għawdex żied li se jkompli jikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u jisħaq li ebda abbuż m’hu ser jiġi ttollerat.