Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien diġà rreġistra aktar minn 2,600,000 moviment tal-passiġġieri – żieda ta’ 20% fuq l-istess perjodu fl-2016.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg ħabbar ir-riżultati tal-Ajruport għall-ewwel sitt xhur tas-sena.
L-aktar suq popolari baqa’ r-Renju Unit, u l-Italja, il-Ġermanja, Franza u l-Belġju jsegwu rispettivament.
L-aktar tliet ajruporti li ġabu passiġġieri lejn pajjiżna kienu Gatwick f’Londra, Fiumicino f’Ruma u Fontanarossa f’Catania.Fejn jidħlu linji tal-ajru mbagħad, li kważi kollha raw żieda fin-numru ta’ titjiriet u rotot, l-aktar popolari hija l-linja tal-ajru low cost RyanAir – li rat żieda ta’ sebgħa u tletin fil-mija fil-passiġġieri li ġarret minn u lejn Malta fuq is-sena li għaddiet.
Isegwuha hemm l-Air Malta, l-Easyjet, il-Lufthansa, il-WizzAir, it-Turkish Airlines, l-Emirates u l-Alitalia rispettivament.
Lil’hinn miċ-ċifri reġistrati fl-ewwel nofs tas-sena, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar ukoll it-tbassir rivedut għall-elfejn u sbatax.
Wara li s-sena li għaddiet, l-Ajruport irreġistra rekord ta’ ftit aktar minn ħames miljun passiġġier li għadda mit-terminal tal-Ajruport, it-tbassir tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jindika li din is-sena dan in-numru se jlaħħaq il-ħames miljuni u tmien mitt elf passiġġieri.
B’hekk jintlaħaq rekord ġdid ta’ passiġġieri għall-Ajruport.