M’hemmx tidwir, il-kummenti ta’ dak li qed jipproġetta lilu nnifsu bħala l-‘outsider’ fit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, kienu kummenti għal kollox bla sens u vojta. Delia, li ngħaqqad fil-konkorenza biex jipprova jingħoġob mal-hardcore Nazzjonalista biex jivvutawlu, l-istess kif għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni biex jipprova jirbaħ elezzjoni, ftaħħar lil ħames itfal tiegħu (li m’għandhom xejn x’jaqsmu fl-istorja) għamilhom taħt Gvern Nazzjonalista.
It-tfal huma l-isbaħ rigal li jista’ jingħata persuna, jiġu meta jiġu. Li hemm isbaħ illum il-ġurnata hija li grazzi għal dan il-Gvern Laburista, grazzi għas-servizz tal-IVF u r-rieda tal-Gvern li jkompli jtejjeb aktar se jkun qed jagħti aktar ċansijiet lil kull min jixtieq isir ġenitur iżda li għandu bżonn juża servizz bħall-IVF għax għal xi raġuni jew oħra ma jistax jikkonċepixxi b’mod naturali, dan jista’ jagħmlu. Delia kien għal kollox insensittiv lejn dawn il-persuni. Dan ġej mingħand xi ħadd li qed jaspira li jkun hu li jimbotta ‘l quddiem leġislazzjonijiet.
Mur saqsi lil dik il-mara, jew lil dak ir-raġel, x’differenza tagħmilhom taħt min jitwieldu? Mur saqsi lil dawk il-koppji li jkollhom qalbhom imtertqa għax il-mara ma tkunx tista’ tinqabad tqila?
Jekk Delia jrid jingħoġob ma min irid jivvutalu biex jitla’ Kap, għandhom jivvutawlu mhux għax qed jipprova juri kemm huwa Nazzjonalist forsi aktar minn ħaddieħor b’kummenti bla sens, iżda jingħażel għax joffri l-ideat u l-alternattivi.
Il-problema kollha tinsab li fil-fatt li l-Kandidati kollha prospettivi tal-PN, qed jieħdu l-parriri ta’ Simon Busuttil. Illum żdiedet oħra mal-kollezzjoni, minn Pesta sa Mafja, minn Faxxisti għal ħallelin. Issa distinzjoni skont taħt liema Gvern titwieled.
Min-naħa tiegħi jien lil Delia nawguralu .. nawguralu għax jekk biħsiebu jagħmel 5 oħra kif qal, illum jista’ juża ċ-childcare b’xejn.