Fi sforz bil-għan li jikseb kemm jista’ jkun appoġġ minn fost il-kandidati u l-membri tal-grupp parlamentari nazzjonalista, Chris Said, għamel wiegħda li bħalha qatt ma saret qabel. Jekk ikun elett Prim Ministru l-membri kollha tal-grupp parlamentari nazzjonalista se jaħtarhom membri tal-Kabinett.
Mistoqsi minn The Business Observer dwar xi tkun l-ewwel deċiżjoni tiegħu jekk isir Prim Ministru, Chris Said qal hekk: “L-ewwel deċiżjoni ta’ Prim Ministru tkun li jaħtar Kabinett, fejn jien nigarantixxi li nagħti rwol lill-grupp parlamentari kollu.”
B’hekk jekk Chris Said isir kap tal-Partit Nazzjonalista jkun hemm l-ewwel gvern li m’għandux backbench. Fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista kritika lill-gvern ta’ Joseph Muscat għaliex kellu kabinett kbir, iżda issa wieħed mill-kontestanti għall-Kap irid li kulħadd ikun membru tal-kabinett.