F’attentat iddisprat ieħor, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jerġa’ jirrepeti gidba li n-nies ma tawx kasu dwarha fil-kampanja elettorali li għaddiet, tant li r-rizultat kien dak li kien. Dan qed jagħmlu sempliċiment biex jipprova jiġbor ġieħu mal-Partit Nazzjonalista li huwa stess daħħal fi sqaq. Qal dan il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija.
Il-PL qal li Simon Busuttil għat-tieni darba fi spażju ta’ ftit ġimgħat qed jifraħ li r-rikors li għamel quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, se jgħaddi f’idejn Maġistrat ieħor biex jagħmel inkjesta inġenere biex jiddetermina jekk hemmx provi bizzejjed għal każ kriminali. Dan huwa dak li ġara eżatt fil-kampanja elettorali meta għamel rikors quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, bl-istess allegazzjonijiet, biex itellef l-investigazzjoni li kienet qed isir fuq gidba oħra tiegħu fuq il-Prim Ministru. Il-Maġistrat Bugeja wkoll kien ddeċieda li għandha tkun Maġistrat ieħor li tiddeċiedi jekk hemmx każ jew le.
L-istqarrija tgħid li r-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni fiż-żewġ episodji tal-istess gidba kienet l-istess. Dan juri mhux biss li Simon Busuttil huwa ddisprat biex jipprova jiġbor ġieħu, mhux biss li ma tgħallem xejn iżda li jinsab in denial.
Sostnew li Busuttil ma jistax jaħseb li jista’ jaqbad u jitfa’ t-tajn fuq dak u l-ieħor mingħajr ma jaffaċċja l-konsegwenzi u għalhekk kienet ippreżentata kwerela minn Keith Schembri.
Illum, Busuttil qiegħed biss jipprova jirrepeti l-istess gidba li waslitu f’pożizzjoni li se jkollu jieqaf minn Kap tal-Partit tiegħu wara telfa elettoral massiċa, temm jgħid il-PL.