F’deċiżjoni dwar rikors tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-konfront taċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l- Ministru Konrad Mizzi l-Qorti kkonkludiet li ma jeżistu ebda provi dwar dak allegat mill-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda jrid ikun Maġistrat inkwirenti li jinvestiga l-allegazzjonijiet tiegħu biex jikkonkludi hemmx provi jew le.
Simon Busuttil allega ħasil ta’ flus.
Dan il-Maġistrat jittella’ bil-polza kif seħħ fil-każ ta’ Maġistrati oħra li qed jinvestigaw allegazzjonijiet li saru u li jridu jkunu huma li jistabbilixxu jekk hemmx provi biżżejjed għal każ kriminali.
Fid-deċiżjoni tiegħu l-Maġistrat Ian Farrugia għamilha ċara li l-inkjesta ingenere se ssir proprju biex fl-aħħar jiġi determinat ikunx hemm lok għax xi proċeduri kriminali. Il-Maġistrat qal ukoll li hu ma kellux għalfejn jibgħat għal Simon Busuttil għax dak isir fi stadju ta’ provi fl-inkjesta li tistabbilixxi l-fatti u jekk allura jkunx hemm proċeduri x’jittieħdu.
Il-Maġistrat innota kif hemm bosta inkjesti oħra li qed jistħarġu l-mertu ta’ dan il-każ, inkluż waħda li talab il-Prim Ministru.
Fid-Digriet tiegħu l-Maġistrat Ian Farrugia jgħid speċifikament li: “Ikun fl-aħħar tal-investigazzjoni dwar l-in genere li jkun jista’ jingħad jekk hemmx lok għal azzjoni kriminali jew le. U f’każ pożittiv, fir-rigward ta’ liema reati tkun trid tiġi istitwita l-azjoni penali u fil-konfront ta’ min.”
Ikompli li: “Bis-saħħa tal-investigazzjoni dwar l-in genere tkun tista’ tiġi stabbilita’ il-verita ġudizzjarja tal-fatti.”
Dan ifisser li l-Kap tal-Oppożizzjoni, kif għamel f’każijiet fir-reazzjoni tiegħu, mhux qed ikun korrett.
Hija tal-mistħija li f’demokrazija il-Kap tal-Oppożizzjoni jimmiżinterpreta Digriet tal-Qorti b’dan il-mod għal gwadann politiku.