Raġel Malti ta’ madwar tletin sena tressaq il-Qorti wara li l-Ħadd li għadda insulenta u hedded uffiċjali tal-Pulizija, ipprova jweġġa’ lil tnejn minnhom u m’ għobdiex l-ordnijiet tagħhom. Ir-raġel huwa ukoll akkużat li kkawża ġrieħi ħfief lil mara li kien fuq date magħha.
L-inċident inħoloq wara li l-akkużat kien mistieden għal bibita għand mara, iżda wara avvanzi ta’ natura sesswali ntebaħ li kienet persuna transgender.
Kien f’dan il-mument li inħoloq argument bejniethom. Fil-Qorti nstema’ kif matul l-argument l-akkużat għamel ħerba fl-appartament tal-mara tant li għamel bi €2,500 ħsara.
L-akkużat li wieġeb li ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, ġie kkundannat tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn. Huwa ġie mmultat ukoll €800 talli hedded uffiċjali tal-Pulizija.
Minħabba n-natura tal-każ, fuq Ordni tal-Qorti, isem l-imputat u l-ismijiet tal-persuni kkonċernati ma ġewx ippubblikati.