Fi Vienna saret laqgħa ministerjali dwar il-Libja fuq stedina tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika John Kerry u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Italja, Paolo Gentiloni.
Din hija l-ewwel laqgħa ministerjali tax-xorta tagħha min mindu l-Prim Ministru Libjan Fayez Serraj daħal fi Tripli biex min hemm iwaqqaf il-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali. Il-ministri li pparteċipaw fil-laqgħa addottaw Stqarrija Konġunta li fiha hemm inmiżżla l-passi li jmiss li għandhom iwasslu għall-istabilita’ fil-Libja.
Meta kkummenta dwar is-sinifikat ta’ din il-laqgħa, l-Ministru Vella emfasizza l-importanza għall-Prim Ministru Serraj li jkun assigurat bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali f’dan il-mument politiku delikat għal-Libja.
Il-Ministru Vella qal ukoll li “huwa mportanti li l-Ftehim Politiku għal-Libja jirnexxi u jkun implimentat b’mod sħiħ għall-benefiċċju tal-poplu Libjan kollu. Il-Ftehim jipprovdi għal bażi soda lejn il-paċi, sigurtá u stabbilità fil-Libja. Il-poplu Libjan irid jara li l-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali qed jiffunzjona u li jkollu appoġġ wiesa’. Il-poplu Libjan irid jara wkoll li fil-prattika jkollu dak meħtieġ, ibda mill-proviżjon tas-servizzi bażiċi, proviżjon tal-ikel, likwiditá u wkoll servizzi infrastrutturali stabbli.’
Il-Ministru Vella żied jgħid li taħt il-proċess immexxi mir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda Martin Kobler, hemm punti li għad m’hemmx qbil dwarhom, fosthom min se jmexxi l-Ministeru għad-Difiża u wkoll l-appoġġ lill-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali mill-Kamra tar-Rappreżentanti li hija bbażata f’Tobruk.
Il-Ministru Vella huwa wieħed mill-ewwel fost il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi Ewropej li żar l-Libja x-xahar li għadda, bħala parti minn delegazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Joseph Muscat.