“L-istorja fuq il-faċċata tat-Times of Malta ġiet iffabbrikata. Il-ġurnalist, Ivan Camilleri, li kiteb dan l-artiklu qatt ma staqsa speċifikament lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali dwar l-inkjesta Egrant u għal raġunijiet li jaf hu biss, iddeċieda li jivvinta storja bi tweġibiet ġeneriċi li għamel il-Ministeru li ġew manipulati.”
Dan qalu l-Ministeru fi stqarrija li żied jgħid li mhuwiex minnu li kien hemm kwistjoni ta’ finanzjament kif ġie irrapportat b’mod inkorett mill-ġurnalist tat-Times.
“Fil-fatt il-Ministeru, fis-26 ta’ April, jiġifieri tliet xhur ilu, ta l-approvazzjoni meħtieġa għall-fondi neċċessarji biex il-Maġistrat jaħtar espert tal-Qorti, Malti jew barrani, biex jassistih fl-inkjesta Egrant.
L-istqarrija qalet ukoll li kuntrarjament għal dak li qal l-artiklu, il-ġudikatura tista’ tagħmel użu minn esperti tal-qorti minn lista eżistenti maħruġa mid-Dipartiment tal-Ġustizzja. Il-lista hija magħmula minn esperti li jressqu isimhom wara li tinfetaħ espressjoni għall-interess. Madankollu, il-ġudikatur huwa wkoll liberu li jaħtar esperti oħra tal-qorti kif jidhirlu li hu xieraq u fil-fatt, qed jagħmel dan. Dan jiżgura l-indipendenza u t-trasparenza tal-ġudikatura.
“Il-Gvern itenni li l-Maġistrat inkwirenti għandu l-appoġġ amministrattiv sħiħ biex jikkonkludi l-inkjesta fl-iqsar żmien possibbli.”