Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, tilef libell li kien fetaħ kontra l-Orizzont b’rabta ma’ editorjal li kien dwar id-direct orders li ħadet il-kumpanija tiegħu. Il-libell kien fetħu kontra Sandro Mangion li kien editur tal-gazzetta, iżda l-Qorti ma tatux raġun.
Fl-editorjal, is-sitwazzjoni taħt Gvern Nazzjonalista kienet deskritta bħala waħda ta’ ħtif ta’ direct orders bla rażan, u ntqal li kien impossibbli għal kumpaniji lokali jibbenefikaw minn fondi Ewropej, sakemm ma jgħaddux minn taħt ċertu kumpaniji oħra.
Simon Busuttil, li kellu l-kumpanija Europa Services and Consultancy, ħass li saret insinwazzjoni li kien involut f’attività kriminali, u li l-editorjal kien eżerċizzju ta’ tfigħ ta’ tajn minn min ma jaqbilx miegħu politikament.
L-argument ta’ Sandro Mangion kien li Busuttil huwa persuna pubblika, allura espost għal livell ta’ skrutinju. Bħala ġurnalist, kien insista, kellu l-obbligu jinforma lill-qarrejja bil-fatti.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale nnota li l-artiklu ma jimplikax lil Busuttil f’attività kriminali u huwa bbażat fuq fatti li jidhru li huma korretti u li kienu magħrufa lill-pubbliku.