Għalkemm estensiv, il-ħruq f’Wied l-Isperanza fil-Mosta mhuwiex gravi daqs kemm jidher.
Ikkonferma dan il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera, wara laqgħat mal-ERA, id-Dipartiment tal-Parks li minnufih għamlu analiżi ta’ dak li seħħ, u esperti oħra.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-istess wied, intqal kif ħafna mill-ħsara, għalkemm notevoli, hija biss superfiċjali. Fil-fatt hekk kif bosta siġar mistennija jirriġeneraw ruħhom u jieħdu l-ħajja mill-ġdid waħedhom mal-ewwel xita, mhux se jkun hemm intervent estern.
Eventwalment jekk ikun innutat li ntilfu xi siġar indiġeni, isir intervent meqjus sabiex dawn ikunu mibdula.
Minn naħa l-oħra bla dubju li hlejqiet żgħar u insetti oħra li kienu jgħammru f’dan il-wied inqerdu, u f’dan l-aspett il-wied jieħu iżjed żmien.
Il-Ministru Herrera innota kif fuq il-post kien hemm il-Pulizija, li bdew l-istħarriġ tagħhom biex jaraw kif beda n-nar. Pero tenna li f’din is-sħana n-nar seta’ beda anke waħdu, jew bi prattiċi tal-bdiewa, jew saħansitra xi nar zgħir jew bbq li tiegħu intilef il-kontroll.
Għaldaqstant tenna l-appell biex inkunu iktar kawti. Għaliex din id-darba, il-hsara, għalkemm kbira, xi ftit jew wisq tittranġa. Jista’ jkun li f’każ ieħor ma nkunux daqsekk ixxurtjati.