Moira Delia – isem magħruf sew fix-xena tal-ispettaklu f’Malta, biż-żewġ dixxiplini tal-fencing u l-kickboxing flimkien mal-imħabba lejn l-annimali jkunu tliet elementi ewlenin li jsawru l-karattru tagħha.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-fencing?
L-imħabba tiegħi lejn il-fencing bdiet meta sitt xhur wara li twieled it-tifel, xtaqt nagħżel sport mhux tas-soltu u li fl-istess ħin itini saħħa psikoloġika aħjar sabiex naffaċċja l-ħajja b’ċerta pożittività.
Xtaqt ukoll li wiċċi ma jidhirx waqt li nkun qed nipprattika dan l-isport u għalhekk l-għażla awtomatika tiegħi marret fuq il-fencing.
Kif għenek dan l-isport bħala karattru u dixxiplina miegħek innifsek?
Ifhem, kif diġà għedtlek fil-fencing wiċċek ma jidhirx, id-dehra tiegħek bħal qisu tinbidel u narani nsir bniedma oħra.
Inħobb inqabbel dan l-isport ma’ logħba ċess fejn trid tuża moħħok u l-kapaċitajiet tiegħek sabiex tagħmel il-mossa t-tajba fil-mument deċiżiv.
Il-fencing iżidlek ħafna l-kunfidenza fik innifsek minħabba li trid tkun ferm dixxiplinat u fl-istess ħin dejjem moħħok hemm għal li jista’ jinqala’.
Naf ukoll li int kont tipprattika l-kickboxing. Bla dubju li anke dan l-isport għenek sabiex issir il-mara b’saħħitha li int.
Il-kickboxing sibtu ta’ għajnuna wkoll biex iqawwili l-personalità minħabba li bħala sport isaħħek ħafna f’kull sens.
Fil-fatt, dan isaħħaħlek il-karattru tiegħek u fl-istess ħin, fiżikament tħossok ferm aħjar.
L-għan tiegħi kien li nsaħħaħ il-figura tiegħi kif ukoll intejjeb l-istamina.
Insibha wkoll attraenti li mara jkollha dik is-saħħa li biha tkun tista’ tiddefendi ruħha.
It-taħriġ tal-kickboxing minnu nnifsu huwa iebes ħafna u fih ħafna fażijiet sabiex tasal biex tieħu ċ-ċintorin l-iswed.
Jien ma rnexxilix nasal sa dan iċ-ċintorin minħabba li kont nidher spiss fuq it-televiżjoni u għalhekk kelli noqgħod lura milli nieħu xi daqqiet f’wiċċi li mbagħad kien ikolli ngħattihom bil-make-up.
Għalhekk wasalt saċ-ċintorin kannella u xorta ngħid li ninsab kuntenta b’dak li ksibt.
Illum il-ġurnata m’għadekx tipprattikahom dawn l-isports. Iżda tikkonsidra li forsi terġa’ tibdiehom?
Minkejja li m’għadnix nipprattikahom uffiċjalment, illum tista’ tgħid li nitħarreġ u niġri ġirja kuljum. Qed nieħu rwoli oħra f’ħajti apparti li l-ġisem ma jibqax l-istess, l-età tkun hemm u għalhekk minkejja li tieqaf tipparteċipa f’dak l-isport partikolari, il-ġisem xorta jkollu bżonn it-trejning regolari.
Trid taċċetta wkoll li ġismek mhuwiex ta’ għoxrin jew tletin u għalhekk ġirja u ikel tajjeb u sustanzjuż jgħinuk biex iżżomm ġismek b’saħħtu. Barra minn hekk din ir-rutina tgħinek biex tnaqqas il-mard u affarijiet li xejn ma jagħmlu ta’ ġid għal ħajjitna.
Kif taraha l-mentalità sportiva f’pajjiżna? Jinkwetak il-fatt li hawn rata kbira ta’ obeżità f’pajjiżna?
Fil-verità hawn żgħażagħ li jittrenjaw b’mod regolari sabiex iżommu ruħhom b’saħħithom. Madankollu, hawn numru kbir ieħor li ma jagħmlux eżerċizzju u mhux fir-rutina tagħhom li jinkludu xi tip ta’ sport jew għallinqas xi mixja żgħira.
Warakollox, jekk int tagħmel xi tip t’eżerċizzju kapaċi żżomm il-figura tiegħek pulita u tikkontrolla d-dieta tiegħek.
Jinkwetani ħafna l-fatt li hawn ħafna tfal u żgħażagħ li m’għandhomx sport f’ħajjithom u din il-mentalità għandna bżonn inbiddluha.
Kollox iħoll u jorbot jekk int tipprattikax sport jew le. Jien bħala persuna ma noqgħodx lura milli niekol l-ikel li nħobb, però, l-fatt li nitrenja jgħinni biex dak l-istess ikel li niekol, naħarqu.
Fl-aħħar mill-aħħar, is-sigriet ta’ ħajja aħjar mingħajr problemi ta’ saħħa huwa kollu marbut ma’ eżerċizzju li tagħmlu fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum.
Naf li int għandek għal qalbek ħafna l-annimali. Għaliex huwa importanti li aħna bħala umani nirrispettaw lill-annimali?
Nista’ nirrispondi l-mistoqsija tiegħek f’sentenza waħda. Peress li l-annimali m’għandhomx vuċi aktar u aktar għandna nisimgħuhom u nirrispettawhom.
Aħna bħala bnedmin għandna nieħdu ħsiebhom filwaqt li ntuhom ħafna mħabba.
Jekk int għandek annimal domestiku, int għandek ir-responsabbiltà li tieħu ħsiebu daqs membru ieħor tal-familja, kważi kważi daqs it-tfal.
Bħala persuna jien kbirt f’din il-kultura li nħobb u nindokra kemm nista’ lill-annimali.
Illum in-nies inbidlu fir-rigward ta’ kif iħarsu lejn l-annimali. Il-bnedmin saru iktar konxji ta’ kemm għandhom jirrispettaw lil dawn il-kreaturi għax fl-aħħar mill-aħħar anke huma għandhom id-drittijiet tagħhom.
Nemmen li bi programmi fuq it-televixin u avviżi fuq il-midja soċjali, dan it-tagħlim biex inħarsu d-drittijiet tal-annimali se jkompli jitkattar aktar f’pajjiżna.
Nafu wkoll li l-annimali kapaċi jkunu ta’ terapija għalina l-bnedmin minħabba li jnaqqsulna l-istress b’mod partikolari meta nfissduhom.
Min-naħa l-oħra jekk bħala bniedem m’għandekx ħin għall-annimali, m’għandekx flus għalihom u mhux lest tieħu ħsiebhom, aħjar ma tintrigax trabbihom.
Hawn bosta nies li jagħtu ferħ ta’ annimal bħal qattus u kelb bħala rigal. X’tikkummenta fuqha din il-ħaġa?
Jien naraha bħala nuqqas ta’ responsabbiltà kbira min jagħti annimal domestiku bħala rigal. Nemmen li qabel ma tkun ser iddaħħal pet f’darek irid ikun hemm diskussjoni bejn il-membri tal-familja u apparti minn hekk, tipprepara bl-aħjar mod għalih sabiex toffrilu dar fejn ikun jista’ joqgħod.
Dan irid jidħol bħala membru tal-familja u għandu bżonn ta’ ħafna mħabba. Ir-responsabbiltajiet bejn il-membri iridu jitqassmu sabiex tipprovdilu dak kollu li għandu bżonn.
Irridu nikkunsidraw ħafna fatturi bħall-ikel li ntuh mhux nitimgħuh minn dak li jibqa’ fil-platt u anke l-viżti għand il-veterinarju fejn għandna neħduh meta jkun hemm bżonn.
Jekk annimal ikun ma jiflaħx għandu bżonn il-mediċina u għalhekk irridu nwarrbu xi flus għalih biex dejjem jibqa’ f’saħħtu.
Għalhekk meta wieħed jagħti annimal bħala rigal irid jaħseb għal kull eventwalità li tista’ tinqala’ fil-futur sabiex ma jkunx hemm dispjaċiri wara.
Ċerti nies li jsibu annimal abbandunat barra jikkuntattjaw lilek u mhux dejjem jirreferu għal xi istitituzzjonijiet li jeżistu f’pajjiżna u li wkoll jipprovdu ċertu refuġju għal dawn l-annimali. Tista’ tgħidilna xi ħaġa aktar dwar dawn il-postijiet?
Jien għalija huwa kumpliment il-fatt li jirreferu għalija meta jsibu annimal abbandunat fit-triq speċjalment jekk ma jkollhomx soluzzjonijiet oħra dak il-ħin. Madankollu, jien m’iniex xi uffiċjal mid-dipartiment tal-ħarsien tal-annimali. Biex ngħidlek il-verità mhux dejjem inkun nista’ nagħtihom l-għajnuna li nixtieq.
Hemm barra hemm ħafna nies li għandhom għal qalbhom l-annimali partikolarment klieb u qtates li jkunu barra fit-triq fejn jipprovdulhom ikel u xorb għal matul il-ġurnata.
Allura fl-opinjoni tiegħi hemm bżonn insaħħu dan id-dipartiment tal-annimali fejn fost l-oħrajn qed jinħass il-bżonn ta’ ambulanza oħra mhux waħda biss li hemm eżistenti.
Barra minn hekk, l-istess uffiċjali impjegati ġieli jbatu biex ilaħħqu mad-diversi rapporti li jirċievu. B’hekk in-nies jispiċċaw iċemplu jew lili jew inkella lil xi voluntiera li għandhom għal qalbhom l-annimali.
B’hekk jien ma nħossnix waħdi f’dan il-proġett li bdejt snin ilu fejn nedukaw lill-poplu fuq drittijiet u ħarsien ta’ dawn il-ħbieb żgħar tagħna.
U xi tgħidli dwar il-mentalità tal-Maltin fir-rigward tal-ħarsien tal-annimali?
B’xorti tajba f’dawn l-aħħar snin il-kuxjenza favur id-drittijiet tal-annimali żdiedet ħafna fost il-Maltin. Min-naħa l-oħra nixtieq li d-dipartiment għall-ħarsien tal-annimali jieħdu iktar bis-serjetà rapporti li jsirulhom fuq każijiet ta’ abbużi u jiżdied l-infurzar għal dawk li jiksru l-liġi.
Tisma’ rapporti li jwaħħxuk bħal klieb li jinżammu taħt l-art jew inkella fuq il-bejt fix-xemx u oħrajn marbutin biċ-ċinga. Anke żwiemel m’għandhomx joqogħdu fix-xemx speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ sħana.
Dawn in-nies bħal qishom mhumiex lesti jobdu l-liġi u għalhekk għandhom jitressqu l-qorti.
Sfortunatament għadna nisimgħu bi ġlied ta’ klieb u sriedak. Kemm jinkwetak dan il-fatt?
Jinkwetawni mhux ftit. U għalhekk qed nerġa’ ntenni biex jiżdied l-infurzar f’din il-liġi għax in-nies b’hekk biss jitgħallmu. Jekk il-qrati jagħtu l-pieni li hemm skont il-liġi, ser ikun hemm inqas moħqrija fuq dawn il-kreaturi innoċenti.
Iċ-ċirkli li jkunu Malta m’għadhomx jiġu bl-annimali. Għalik din żgur hija aħbar pożittiva hux hekk?
Bla dubju li kienet aħbar pożittiva għax kont ili niddiskuti b’mod insistenti fuq dan is-suġġett. Madankollu, ma ninsabx kuntenta li daħlu ċerti annimali oħra f’parks privati f’pajjiżna.
L-ironija hi li d-dipartiment li semmejna ma jistax ilaħħaq mal-ilmenti kollha li jidħlulu, aħseb u ara kemm jista’ jinforza kif jixtieq lil dawk li qed jimpurtaw annimali minn barra u li jaqfluhom ġo gaġeġ.
Forsi tgħidli li l-post fejn jinsabu fih huwa kbir biżżejjed u li l-gaġeġ tagħhom huma kbar. Madankollu, aħna l-bnedmin qed inċaħħduhom mill-ambjent naturali tagħhom u ninsab sorpriża kif fis-sena 2017 qed naċċettaw dan kollu.
Anke fir-referendum tal-kaċċa int ukoll semmajt leħnek. X’kienet l-esperjenza tiegħek f’dan ir-rigward?
Wara din l-esperjenza partikolari naf li nofs il-poplu Malti ma jaqbilx mal-opinjoni tiegħi. Madankollu, hemm in-nofs l-ieħor li ammira fija l-fatt li kont l-unika kelliema mara li tkellimt fuq dan is-suġġett.
Ħassejt li kelli nieħu din il-kariga għax anke l-għasafar għandhom id-drittijiet tagħhom u għalhekk dħalt għaliha b’ċerta serjetà.
Kien referendum jaħraq ħafna u jien ħassejt li kelli naqdi dmiri ta’ ċittadina li għandi għal qalbi l-annimali.
Minkejja li forsi ċerti nies ma tantx tinżlilhom l-opinjoni tiegħi, jien dan kollu nagħmlu għax għandi għal qalbi kull tip ta’ annimal li għandu dritt jgħix ħajja sabiħa.
B’hekk jien fil-programm televiżiv li għandi qed inwassal il-vuċi ta’ dawk in-nies li bħali għandhom għal qalbhom l-annimali.
Il-programm li tippreżenta int kemm għenek biex tkompli tkabbar l-għarfien u l-imħabba tiegħek lejn l-annimali?
Il-programm AnimalDiaries huwa programm li nippreżentah b’ċerta mħabba u dedikazzjoni kbira. Tant jien dedikata fuq dan il-programm li neħħejt programmi u produzzjonijiet oħra li kelli fil-passat sabiex nagħti ħini kollu fuqu.
Għalkemm forsi jien nidher biss għal tliet kwarti f’dan il-programm, nista’ nassigurak li fih preparazzjoni kbira apparti l-ħin l-ieħor li nqatta’ nieħu ħsieb l-annimali.
Naf ukoll li kont involuta fil-HappyPaws. Għadek tagħti xogħlok f’din l-għaqda?
Jien il-fundatriċi ta’ din l-għaqda u ma jistax ikun li ma nagħtix daqqa t’id fejn ikun hemm bżonn. Il-HappyPaws hija klinika li tgħin sabiex insewwu xi annimali milli jkomplu jkattru aktar il-popolazzjoni ta’ klieb u qtates abbandunati.
Fil-fatt, li kieku ma jissewwewx annimali bħal qtates żgur li jkollna ħafna iktar minnhom jiġru fit-toroq, l-istess bħalma issa żviluppat il-problema tal-ħamiem f’ċerti rħula u bliet.
Apparti minn hekk, aħna wkoll nippruvaw infejqu annimali morda u li jkunu bil-ġuħ. Jien nammira b’mod partikolari d-diversi voluntiera li għandna mxerrda madwar il-gżejjer Maltin li jagħtu kontribut kbir sabiex il-ħajja tal-annimali tagħna tkun aħjar.
Hu għalhekk li l-HappyPaws tibqa’ għal qalbi mmens!
Dan l-aħħar qamet il-kwistjoni tal-ħamiem fil-Birgu. Kien hemm pjanijiet li dawn jinqatlu sabiex ma jkunx hemm inkonvenjent għar-residenti. Kellek xi laqgħat mas-sindku tal-Birgu fuq din il-kwistjoni?
Iva, jien kellimt lis-sindku tal-Birgu li min-naħa tiegħu assigurani li qed jippruvaw ifittxu alternattivi sabiex tissolva din il-problema.
Jien personali ma nixtieqx li jinqatlu dawn il-ħamiem. Madankollu, konxja mill-fatt li hemm problema kbira li fiha qegħdin isofru r-residenti. Għalhekk jien sħaqt mas-sindku li din għandha tkun tema nazzjonali aktar milli waħda ta’ xi belt jew raħal.
Jien nemmen li impossibbli toqtol il-ħamiem kollu li hemm il-Birgu. Anzi, wisq nibża’ li dawk li ma jinqatlux imorru f’xi belt jew raħal ieħor u jkomplu jkattru hemmhekk.
Għalhekk tkun solvejt il-problema b’mod temporanju u fl-aħħar mill-aħħar lokalità oħra se tkun qed tbati minn din il-problema.
Is-suġġeriment tiegħi kien li nkellmu lid-dipartiment għall-ħarsien tal-annimali, nindirizzaw din il-problema b’mod nazzjonali kif diġà għedt u apparti minn hekk, jintużaw metodi oħra iktar umani biex titnaqqas il-popolazzjoni tal-ħamiem f’pajjiżna.
Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li jingħatalhom ikel li jnaqqsu ċ-ċansijiet li ħamiem jirriproduċi u b’hekk b’mod gradwali titnaqqas din il-problema.
Spanja kellha din l-istess problema tal-ħamiem u ħadet dan il-pass li semmejt u tista’ tgħid li l-pjan irnexxa.
Xtaqt li tgħaddi messaġġ ta’ kuraġġ li dawk iż-żgħażagħ li qed isibuha problema li jesponu t-talenti tagħhom minħabba xi problema jew oħra.
Jien nemmen li bniedem għandu jimxi wara x-xewqat ta’ qalbu. Jekk għandek talenti li tieħu ħsieb nies vulnerabbli jew inkella fil-bżonn, int qed tesponi t-talenti tiegħek b’mod nobbli.
Jekk int ħassejt il-ħtieġa li tgħin, mela sinjal li hemm barra hemm nies li għandhom bżonnok.
Il-premju ta’ dan kollu huwa s-sodisfazzjon li tieħu meta tara t-tbissima fuq fomm dak li jkun.