NL – Nisa Laburisti appellat lill-għaqdiet kollha li jirrappreżentaw lin-nisa f’pajjiżna biex jingħaqdu fi front wieħed biex iqajjmu kuxjenza li kliem dispreġġjattiv, sessist u degradanti ma jagħmel ġid lil ħadd, mhux l-anqas lin-nisa.
NL – Nisa Laburisti qalet dan b’referenza għal kummenti dispreġġjattivi mill-artikolista tat-Times of Malta, Andrew Borg Cardona fil-konfront tal-kantanta Maltija Ira Losco li rrappreżentat lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest. Lil Losco Borg Cardona qalilha ‘bitch.’
Claudette Abela Baldacchino, President ta’ NL – Nisa Laburisti qalet li ‘pajjiżna u b’mod partikolari persuni li huma influwenti u li għandhom rwol fil-mezzi tax-xandir, għandhom bżonn jitgħallmu li ma jagħmel ġieħ lil ħadd meta jintuża lingwaġġ sessist u degradanti biex persuna tesprimi ruħha fil-konfront ta’ persuna oħra, sew jekk fil-privat u anke jekk fil-pubbliku.
“Huwa għalhekk li NL – Nisa Laburisti qed testendi stedina lill-għaqdiet kollha tan-nisa f’pajjiżna biex jersqu lejn xulxin u jwasslu dan il-messaġġ f’pajjiżna,” intqal fi stqarrija.