Xejn inqas minn 20,000 persuna attendiet festival ta’ Pokemon Go f’Chicago, liema festival spiċċa kien fjask sħiħ. Problemi tekniċi serji wasslu biex ħafna fans assulutament ma setgħux jagħmlu kif jgħid il-motto: “Catch ’em all”.
Dawn issa se jkunu offruti mitt dollaru Amerikan kull wieħed, iżda b’mod virtwali, permezz ta’ Pokecoins. Dik ta’ nhar is-sibt kienet irriklamata bħala opportunità rari biex segwaċi tal-logħoba jinġabru flimkien u jaqbdu l-aktar monstri rari li jeżistu bħala parti mill-app. Iżda konġestjoni qawwija ħafna ta’ apparati teknoloġiċi u networks wasslet biex ħafna minnhom spiċċaw jgħajtu “sewwu l-logħoba!” u “ma nistgħux nilgħabu!”. Persuni mill-eżekuttiv ta’ Niantic, il-grupp li ħoloq l-app, provaw jispjegaw x’kien qed jiġri, iżda għaxejn. Saħansitra xi ħadd waddab flikxun fuq il-palk, lejn il-preżentatriċi.