Madwar 200 persuna, ħafna minnhom studenti bejn 15 u 16-il sena li kienu qed jistennew it-titjira li minn Malta teħodhom Milan spiċċaw jistennew fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għal ajruplan li ma wasal qatt.
L-ajruplan kellu jitlaq minn Malta ftit qabel il-ħdax ta’ filgħaxija. Għall-ewwel il-passiġieri ġew infurmati li t-titjira kellha tittardja xi ftit. Pero jidher li fil-fatt din qatt ma telqet minn Malpensa. Kienu ħafna dawk li kkumentaw fuq is-siti soċjali jgħidu li dan irrovinalhom il-vaganza tagħhom f’pajjiżna.
Madanakollu skond ir-rapport fil-ġurnal Corriere della Sera, dawn qalu li ma ngħataw l-ebda spjegazzjoni hekk kif it-titjira ġiet kanċellata.
L-Easyjet qalet biss li l-ajruplan qatt ma telaq minn Malpensa għaliex kien teknikament impossibli. Qalulhom biss li ma kienx se jkun possibbli li ssir titjira oħra minn Malta għall-Italja u li biex dan isir kellhom jagħmlu arranġamenti huma stess.