F’Marsaxlokk il-preparamenti għall-festa titulari jinsabu għaddejjin ġmielhom. Iżda llum it-tfal kellhom festa ddedikata għalihom fejn fost l-attivitajiet li ġew organizzati kien hemm ukoll flash mob.
Tfal, zgħażagħ u diversi għaqdiet ingħaqdu flimkien sabiex b’mod oriġinali jorganizzaw flash mob bħala parti mill-attivitajiet tal-festa tat-tfal fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna ta Pompei li se tkun qed tiġi ċċelebrata l-Ħadd li ġej.
Għal ħabta tal-għaxra u kwart fil-pjazza bdew jinġabru diversi tfal u żgħażagħ libsin bl-ilwien blu sinonimu mal-baħar sabiħ ta’ Marsaxlokk. Man-noti tal-banda tal-lokal beda ż-żfin u l-briju hekk kif minn gallarija ħadra ħareġ il-kor taż-żgħażagħ.
Maż-zeffiena ingħaqad ukoll il-Kappillan Fr Luke Seguna. L-attivitajiet segwew b’purċissjoni bi statwa żgħira merfgħuha mit-tfal stess.