B’risposta għal artiklu tal-ġurnalist Ivan Camilleri li deher illum f’The Sunday Times of Malta, il-Ministeru għas-Saħħa saħaq li l-ammont li tiswa sodda fl-isptarijiet illum, bi ftehim ma’ VGH, jikkumpara fuq l-istess livell li l-Gvern kien iħallas qabel għall-istess servizz, anke jekk il-Gvern mhux se jkun qed iħallas iżjed għat-titjib sinifikanti fl-infrastruttura u fl-apparat mediku li mistenni jirriżulta minn dan il-ftehim.
Fi stqarrija ġie spjegat li meta jiġi kkalkulat prezz ta’ sodda, jiddaħħlu fiha s-servizzi kollha li jingħata l-pazjent. Għaldaqstant jiġi kkalkulat mhux biss kemm tiswa s-sodda u l-ikel għall-pazjent rikoverat, iżda wkoll kwalunkwe test neċessarju, operazzjonijiet, u mediċini fejn ikun hemm bżonn.
L-ammont ta’ kull sodda jinkludi wkoll il-pagi tal-ħaddiema. Il-pagi tal-ħaddiema jitħallsu mill-Gvern, bl-ammont jerġa’ jingħata lura lill-Gvern minn VGH. Dan jirriżulta wkoll minn ftehim bejn il-Gvern u l-unions (GWU, MUMN, u MAM) li jikkonferma li l-ħaddiema tal-isptarijiet se jibqgħu ħaddiema tal-Gvern, u s-servizz għall-Maltin u għall-Għawdxin se jibqa’ mingħajr ħlas.
Is-servizzi ġodda li bdew jiġu offruti u servizzi oħrajn li se jiżdiedu fix-xhur li ġejjin, se jfissru spiża akbar – l-istess bħalma jiġri fl-Isptar Mater Dei kull darba li jibda jingħata servizz ġdid.
Il-Ministeru għas-Saħħa fakkar ukoll li l-kuntratti sħaħ bejn il-Gvern u VGH mhumiex moħbija. Fil-fatt, jinsabu għand l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għall-iskrutinju tiegħu. Kien proprju l-Gvern stess li talab lill-Awditur jara l-kuntratti u mhux l-Oppożizzjoni, kif irid jgħid Camilleri.