Luca the Turtle reġa’ lura fil-baħar wara disa’ xhur taħt il-kura tal-volontiera u l-esperti ta’ Nature Trust.
Dan f’avveniment fil-Qala Għawdex fejn il-volontiera tal-għaqda ambjentali kienu sodisfatti bil-ħidma li għamlu ma’ din il-fekruna li kienet salvata minn xi sajjieda wara li kellha sunnara u anke xlief imqabbad magħha. Xi ħaġa trawmatika għal ħlejqa bħal din.
Fil-bajja mill-isbaħ ta’ Ħondoq ir-Rummien, turisti u maltin li nzertaw fuq il-post segwew b’interess bħalma għamlu l-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri.
B’attività bħal din isservi wkoll ta’ skop edukattiv, kif fisser il-President ta’ Nature Truse Vince Attard.
“Is-simbolu ta’ din l-attività hi li noħolqu kuxjenza pubblika fost in-nies. Impatti ta’ skart fuq il-bajjiet u tniġġiż li jistgħu jaffetwaw b’mod negattiv lil dawn il-ħlejjaq. Dawn il-kreaturi ilhom 200 miljun sena fil-periklu li jisparixxu minħabba l-attività umana.”
It-tabib tal-annimali Anthony Gruppetta kellu pariri siewja għal dawk li waqt xi attività fuq il-baħar, kemm jekk sajjieda u jekk mhux, jiltaqgħu ma xi fekruna li bħal Luca tkun fil-periklu. Wieħed għandu joqgħod attent biex ma jagħmilx iktar ħsara milli ġid.
“Li m’għandux isir żgur huwa li persuna tiġbed in-nylon jew wire li jkun imdawwar magħha jew ma xi partijiet oħra. Il-ħsara li ssir hija kbir għax kull darba li wieħed jiġbed ifisser li jkun qed jiġbed biċċa mill-organi vitali tal-fekruna.”
Ladarba wieħed isalva xi fekruna għandu jagħmel kuntatt man-Nature Trust biex bħal Luca wara numru ta’ xhur terġa’ tispiċċa fil-baħar.