Stqarrija maħruġa mill-Eurostat tindika li fl-ewwel kwart tal-2017 Malta rreġistrat l-ogħla surplus fil-finanzi pubbliċi minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE.
Madwar l-UE bħala medja kien hemm defiċit ta’ 1% tal-ġid nazzjonali, bl-ogħla defiċit ikun dak fi Franza fejn dan laħaq 3.3%. B’kuntrast f’pajjiżna fl-ewwel kwart tas-sena s-surplus fil-finanzi pubbliċi laħaq 3.5%.
Ir-riżultat li kiseb pajjiżna kien l-aqwa riżultat fiskali li qatt giet osservat għal pajjiżna mindu bdiet tinġabar din l-istatistika. Dan wara sensiela ta’ defiċits qawwija, tant li fl-aħħar kwart qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013 kien ġie osservat defiċit ta’ 4.1%.
B’kuntrast skont il-Eurostat f’dawn l-aħħar ħames kwarti il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna dejjem kienu f’surplus jew f’bilanċ.
Fi stqarrija l-Gvern qal li dan juri kif il-leġiżlatura li għaddiet għalqet bl-aqwa surplus fl-istorja ta’ pajjiżna u bl-anqas rata ta’ dejn nazzjonali mill-1998 ’il hawn. Fil-leġiżlatura preżenti l-Gvern ser ikompli jibni fuq dawn ir-riżultati miksuba u jkompli jaddotta politika ta’ investiment ekonomiku u soċjali. B’finanzi fis-sod ser inkunu nistgħu nibnu ekonomija mill-aqwa għall-ġid tal-familji u n-negozji tagħna.