Bejn Jannar u Ġunju 2017, jiġifieri fl-ewwel sitt xhur tas-sena, kienu 268,358 passiġġier li ġew f’pajjiżna fuq Cruise Liner. Dan ifisser żieda ta’ 11.9% meta kkumparat mal-istess perjodu fl-2016.
Il-maġġoranza tal-passiġġieri, 72.1%, kienu ġejjin mill-pajjiżi membru tal-Unjoni Ewropea filwaqt li l-akbar żieda kienet irreġistrata fil-passiġġieri li ġejjin mir-Renju Unit, dawn żdiedu b’26,081. L-istatistika turi ukoll kif il-maġġoranza tat-turisti li ġew f’pajjiżna fuq cruise-liner kienu nisa. B’dawk li l-aktar għażlu li jiġu f’pajjiżna permezz ta’ cruise liner għandhom bejn 60 u 79 sena segwiti minn dawk ta’ bejn 40-59 sena.
L-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi ukoll kif bejn April u Ġunju 2017, waslu f’pajjiżna seba’ cruise liners aktar meta kkumparat mal-istess perjodu s-sena l-oħra, bit-total ikun dak ta’ 115 cruise liner.
L-Uffiċċju Nazzjonali spjega ukoll li 4,179 mill-passiġġieri żaru Għawdex filwaqt li 14,517 qattgħu minn tal-inqas lejl wieħed f’Malta, fuq il-bastiment stess. Fit-tieni kwart tas-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju ġew Malta fuq cruise-liner 183,143 passiġġier, total li huwa anqas meta kkumparat mal-istess perjodu s-sena l-oħra.