Vitalii Sediuk, l-Ukren li waqt l-intervall fil-finali tal-Eurovision Song Contest li għadda tela’ fuq il-palk u kixef il-warrani weħel ftit iżjed minn €280 f’multa.
Bil-bandiera Awstraljana fuq dahru, Sediuk dar mal-kantanta rebbieħa tas-sena l-oħra Jamala hi u tkanta u malajr niżżel il-qalziet u ippopa dak li deher ferm kburi bih quddiem il-lenti tal-kamera.
Il-Qorti Ukrena sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u immultatu 8,500 Hr, li jiġu ekwivalenti għal €284.
Sediuk mhux l-ewwel darba li ħaqqaha mal-liġi u bħalu kien hemm Jimmy Jump li fl-2010 tela’ għal għarrieda waqt il-kanzunetta Spanjola fil-Eurovision li kien sar f’Oslo.
Dan l-aħħar każ fuq il-palk tal-Eurovision kien qajjem għagħa anki għal fatt li dan l-imbierek Ukren kixef is-sigriet li għandu fuq wara quddiem miljuni ta’ nies.