Tnieda l-‘International Wind and Percussion Festival’ li qed jiġi organizzat minn seba’ każini tal-banda li qed jikkollaboraw flimkien fuq dan il-proġett. Il-proġett irċieva fondi mill-Aġenzija Żgħażagħ permezz tal-iskema t-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda. Il-proġett se jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ biex jattendu workshops mużikali ma’ mużiċisti internazzjonali li huma miżmuma bi stima għolja fl-oqsma rispettivi tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li l-involviment taż-żgħażagħ fil-każini tal-banda permezz ta’ tagħlim tal-mużika huwa mezz importanti għax bih iż-żgħażagħ ikunu mħeġġa biex isiru ċittadini attivi u biex jikkontribwixxu fil-komunità tagħhom. It-tagħlim attwali tal-mużika huwa wkoll fattur sinifikanti li jkompli jwassal liż-żgħażagħ għal ċertifikazzjonijiet, kwalifiki u, f’xi każijiet, opportunitajiet akbar ta’ xogħol.
“Prosit kbira lit-team li qed jaħdem biex iġib flimkien din il-proposta u joffri din l-opportunità siewja ta’ tagħlim li huwa mmirat biex jilħaq 100 student. Proġett kbir bħal dan, li jgħaqqad flimkien il-każini tal-banda mill-irkejjen kollha ta’ Malta, kif ukoll il-każini tal-banda minn Għawdex, ċertament jeħtieġ ħafna koordinazzjoni u entużjażmu biex jiġi implimentat” qal Dr Grima.
Il-Festival se jinkludi lezzjonijiet individwali, jew lezzjonijiet fi gruppi żgħar għal attenzjoni individwali, xogħol ta’ ensemble, taħdidiet u lectures li jiffukaw fuq strumenti speċifiċi u oħrajn ta’ natura aktar ġenerali relatati mal-mużiċisti u l-prestazzjonijiet. Dan minbarra parteċipazzjoni f’konferimenti bħala solisti (b’akkumpanjament piano) jew bħala ensembles.
Aġenzija Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Każini tal-Banda kull sena torganizza l-iskema ta’ Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda, bħala parti mill-Programm ta’ Emanċipazzjoni tagħha. 25 każin tal-banda ġew mogħtija fondi permezz ta’ din l-iskema għall-2017.
L-għan ewlieni wara din l-iskema huwa li jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-każini tal-banda lokali biex joħorġu b’inizjattivi u proposti li jħeġġu liż-żgħażagħ jitgħallmu strument mużikali u/jew itejbu s-servizzi tat-tagħlim li diġà qed jingħataw. Jistgħu wkoll joħorġu b’inizjattivi sostenibbli u innovattivi biex jiżviluppaw u/jew jaġġornaw il-faċilitajiet u s-servizzi tat-tagħlim attwali tagħhom.
Il-proposti magħżula għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin; Dawn għandhom jirriflettu direttament l-għan ta’ din l-iskema, għandhom ikunu ċari u miktuba b’mod loġiku, l-inizjattivi għandhom ikunu innovattivi u kreattivi, għandu jiġi ppreżentat pjan realistiku tal-inizjattiva maħsuba, l-inizjattivi għandhom ikunu sostenibbli u l-budget propost għandu jkunu realistiku u jirrifletti t-tagħlim tal-mużika. Il-każini tal-banda jistgħu jagħżlu minn żewġ kategoriji ta’ assistenza finanzjarja; Kategorija A, li għandha allokazzjoni ta’ massimu ta’ €2,000 għal kull inizjattiva u kategorija B, li għandha allokazzjoni ta’ massimu ta’ € 4,000 għal kull inizjattiva.
Id-dati tal-festival huma mill-Erbgħa 20 ta’ Settembru sal-Ħadd 24 ta’ Settembru. L-applikazzjonijiet se jkunu miftuħa għaż-żgħażagħ sal-età ta’ 30 sena u għalliema li jagħtu s-servizzi tagħhom lill-iskejjel tal-mużika fil-każini tal-banda. Il-proġett huwa opportunità oħra għaż-żgħażagħ biex ikomplu l-istudji u l-profiċjenzi tagħhom fil-mużika.