Claudio Grech kiteb li mhux se jikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. “Deċiżjoni mhux faċli,” qal Grech li tenna li f’dan il-mument kellu jneħħi l-ambizzjoni personali anke jekk kien imħeġġeġ minn ħafna nies biex jikkontesta. Filwaqt li emfasizza għal iktar minn darba kemm hu nazzjonalist, Claudio Grech qal li qabel imur għal kariga bħal din irid iktar esperjenza u hu ilu biss membru parlamentari erba’ snin. “Nemmen li li tmexxi l-Partit Nazzjonalista u l-oppożizzjoni hi xi ħaġa differenti,” qal Claudio Grech li fl-aħħar ġimgħat kien attakkat bl-aħrax mill-establishment. Bħalma kien qabel l-elezzjoni ġenerali.
F’botta ċara lil Adrian Delia li qed jikseb appoġġ minn fost l-establishment, Claudio Grech qal li ma jemminx f’”high jumps.”
Claudio Grech tenna li hemm raġuni għaliex mhux se jikkontesta. Qal li hemm qasma bejn il-konservattivi u liberali li waslu għal ostilità. Qal li fl-aħħar erba’ snin kien hemm għażla bejn li tkun lejali jew li tkun sinċier għall-veduti tiegħek. Fost oħrajn semma kif fl-aħħar ġimgħat tkellem dwar il-loġika li jingħata vot ħieles fuq kwistjonijiet etiċi u tenna li hawn l-ostilità żdiedet għax din kienet deċiżjoni meħuda mill-ogħla strutturi tal-partit.
Claudio Grech qal li l-politika għandha tkun dwar il-prinċipji u tenna li jittama li jasal iż-żmien meta l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jibrilla. Tkellem dwar il-konverġenza u qal li se jkun qed jaħdem biex jirrappreżenta maġġoranza silenżjuża li temmen f’dak li dejjem kien hemm għalih il-Partit Nazzjonalista.