It-tielet edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Ikel se jgib miegħu għażla ta’ platti minn 12-il pajjiż minn madwar id-dinja.
Dan il-festival, li jsir bejn nhar il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġej fil-foss tal-Imdina wara s-sitta ta’ filgħaxija, b’kollox se jinkludi iktar minn 100 platt differenti. Ikel mill-Amerka, l-Ġermanja, l-Italja, Spanja, kċina Orjentali, Tajlandja, l-Indja, l-Greċja, l-Belġju, l-Gran Brittanja, il-Libanu, u ovvjament Malta. Se jkun hemm ukoll żewġ stands apposta b’deżerti tajbin għal kontra s-sħana qalila tas-sajf. Dan flimkien ma’ numru ta’ sorpriżi, u divertiment permezz t’għażla ta’ artisti, wirjiet ta’ xogħol artiġġjanali, u b’artisti jpittru x-xenarji spettakolari tal-Imdina. Se jkun hemm ukoll żona għat-tfal għadd t’attivitajiet, logħob u ikel għalihom. Id-dħul għall-attività huwa b’xejn u se jkun offrut servizz ta’ Park and Ride minn Triq l-Infetti u Triq it-Tiġrija fir-Rabat.