Ftit tal-ħin ilu beda l-għadd tal-voti fl-elezzjoni każwali biex jimtela’ s-siġġu ta’ Therese Comodini Cachia fil-Parlament Ewropew.
Huma sitta l-kandidati Nazzjonalisti li qed jikkontestaw din l-elezzjoni każwali. Il-kandidati huma Ray Bugeja, Kevin Cutajar, Helga Ellul, Jonathan Shaw, Norman Vella u Francis Zammit Dimech.
Il-pakketti ta’ ħamsin vot li kisbet Comodini Cachia fl-elezzjoni ewro-parlamentari tal- 2014 infetħu kollha u għalhekk issa jibda l-interess għaliex l-attenzjoni ddur fuq fejn se jmur il-wirt ta’ voti.
Il-kandidati wkoll bdew jaslu fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.
Therese Comodini Cachia ċediet is-siġġu fil-Parlament Ewropew wara li ġiet eletta fil-Parlament Malti fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Inizzjalment Comodini Cachia għażlet li ma tieħux is-siġġu parlamentari Malti iżda fost kritika qawwija anki minn attivisti Nazzjonalisti, Comodini Cachia ċediet għal pressjoni u ħalliet is-siġġu parlamentari Ewropew.